L-Oppożizzjoni trid kjarifika fuq it-trasport tal-iskejjel

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista maqdar it-tħejjijiet tal-Gvern għall-ftuħ tal-iskejjel, u qal li jidher li l-policy tal-Gvern fuq it-trasport b’xejn inbidlet f’temp ta’ sagħtejn minn meta tħabbret billi l-ġenituri bdew jilmentaw.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-PN spjega kif kmieni lbieraħ, mijiet ta’ ġenituri rċivew email mingħand l-awtoritajiet edukattivi li wliedhom mhux se jibqa’ jkollhom trasport b’xejn għall-iskola billi joqogħdu inqas minn kilometru u nofs bogħod mill-iskola. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba l-coronavirus.

Dan wassal biex ħafna ġenituri jilmentaw peress li qalu li huma joqogħdu aktar minn kilometru u nofs ‘il bogħod mill-iskola fejn jattendu wliedhom, u xorta rċivew dan il-messaġġ. Oħrajn ilmentaw li wliedhom iridu jgħaddu minn toroq traffikużi biex jaslu l-iskola.

Fost dawn kien hemm uħud li jridu jaqsmu minn Triq l-Imdina biex jaslu fl-iskola Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, oħrajn iridu jaqsmu minn Triq Psaila u Triq il-Wied f’Birkirkara biex imorru fl-iskola Ta’ Paris, peress li huma joqogħdu Santa Venera.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret il-ġimgħa li għaddiet, li waqtha tħabbru l-linji gwida tal-iskejjel, ġie spjegat li tfal li joqogħdu ‘l bogħod kilometru u nofs mill-iskola huma inkoraġġiti ma jużawx it-trasport tal-iskola, u mhux li mhumiex permessi.

Madankollu, f’temp ta’ sagħtejn minn xħin il-ġenituri rċivew l-email, irċivew email oħra li tgħid li l-applikazzjoni ġiet iċċekkjata u li wliedhom huma intitolati għal trasport b’xejn, wara kollox.

Il-Membru Parlamentari Clyde Puli kkummenta li policy maħsuba sew ma tiġix irtirata f’sagħtejn. Għalhekk, l-Oppożizzjoni talbet kjarifika fuq il-policy tat-trasport tal-iskola u fuq kif il-Ministru għall-Edukazzjoni qed jinterpreta l-protokoll.