L-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni biex Debono Grech jiġi sospiż

Fil-Parlament dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, ressaq mozzjoni lill-Ispeaker b’oġġezzjoni għad-deċiżjoni tiegħu dwar kliem li ntqal f’seduti tal-Parlament fl-aħħar jiem.
L-Oppożizzjoni qed titlob li d-deċiżjoni tal-Ispeaker tinbidel u li d-deputat Laburista Joe Debono Grech jiġi kkundannat u sospiż mill-Kamra għall-kliem offensiv u aggressiv u l-atteġġjament tiegħu intimidatorju fil-konfront tad-deputat Indipendenti Marlene Farrugia.
L-Oppożizzjoni saħqet li Joe Debono Grech ikkonferma lill-Ispeaker li lil Marlene Farrugia qalilha l-kliem “Niġi ħdejk u nifqgħek”. Għalhekk, insistiet, li d-diskors hu iktar gravi u jaqbeż id-definizzjoni ta’ “kliem offensiv” kif deskritt mir-regoli tal-Parlament.
L-Oppożizzjoni saħqet li bid-deċiżjoni tal-Ispeaker, li ż-żewġ deputati jirtiraw kliemhom, Anġlu Farrugia tratta bl-istess mod lil min hedded u min kien vittma ta’ theddid. Għalhekk talbet korrezzjoni u sospensjoni għal Debono Grech.