L-Oppożizzjoni tressaq il-mozzjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza

L-Oppożizzjoni llum ressqet mozzjoni biex jiġi revokat l-avviż legali li jiġbor fih ir-regolamenti tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. 
Il-mozzjoni tressqet mill-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi u fiha l-oppożizzjoni qed titlob li l-avviż legali jsemmi li l-perjodu ta’ residenza ta’ tnax-il xahar irid ikun effettiv.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-avviż legali jgħid li din l-iskema se titħaddem minn kumpanija privata mingħajr ebda tip ta’ salvagwardji favur il-Gvern Malti.
L-Oppożizzjoni qalet li dan kollu jmur direttament kontra l-interess nazzjonali, hekk kif il-Ministru għall-Intern anke se jkollu l-poter li jagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil min għandu rekord kriminali.
B’referenza għal din il-mozzjoni, il-Ministru tal-Intern qal li l-Oppożizzjoni kompliet tostakola l-programm ta' ċittadinanza b'investiment li għandu l-approvazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Il-Ministeru tal-Intern qal li l-Oppożizzjoni qed saħansitra tmur kontra l-approvazzjoni li tat il-Kummissjoni Ewropea.
Intqal li l-Gvern qatt ma kellu problema jiddibatti dan is-suġġett, bl-Oppożizzjoni qed topponi programm li jdaħħal lil Malta mal-elf miljun ewro.