L-Oppożizzjoni tressaq għadd ta’ proposti għall-ħidma Parlamentari

L-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ proposti biex fi kliem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u l-Whip tal-PN David Aguis, il-Parlament Malti jiffunzjona b’mod aħjar b’mod li jirrifletti aktar il-bżonnijiet tal-lum.
F’ittra indirizzata lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, ġie spjegat li l-Oppożizzjoni pproponiet seba’ proposti dwar: il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, l-iskrutinju ta’ ħatriet pubbliċi, ħin speċifiku għall-mistoqsijiet lill-Prim Ministru, aktar riżorsi għat-tisħiħ tal-ħidma parlamentari, ir-rappreżentanza femminili, mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni u r-riforma Kostituzzjonali.
Dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika, l-Oppożizzjoni qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jipproponilha ismijiet għall-Kummissarju.
L-Oppożizzjoni qalet li wasal iż-żmien li jsiru l-iskrutinji mill-Parlament dwar il-ħatriet pubbliċi fosthom l-ambaxxaturi, il-Kummissarju tal-Pulizija, Kap Kmandant tal-Forzi Armati u chairpersons ta’ awtoritajiet.
It-tielet proposta hija biex jiġi allokat ħin speċifiku fil-Parlament għall-mistoqsijiet lill-Prim Ministru. 
L-Oppożizzjoni saħqet li hemm bżonn aktar riżorsi għat-tisħiħ tal-ħidma parlamentari billi jiġu impjegati riċerkaturi għall-Membri Parlamentari.
Dwar ir-rappreżentanza femminili, l-Oppożizzjoni qalet li hemm bżonn aktar nisa fil-Parlament. Il-Partit Nazzjonalista qal li lest li jieħu sehem f’diskussjoni biex jaraw kif l-aħjar mod jidħlu n-nisa fil-Parlament.
Dwar il-mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni, il-PN qal li l-perjodu ta’ tliet xhur biex titressaq Private Member’s Bill mill-Oppożizzjoni hu twil wisq u għalhekk talbu biex jinstabu ġranet apposta sabiex dawn jiġu indirizzati.
Dwar l-aħħar proposta għar-riforma Kostituzzjonali, l-Oppożizzjoni qalet li lesta titkellem dwarha bil-kundizzjoni li jkun hemm proċess serju u kontinwu.