L-Oppożizzjoni tressaq emendi għal-liġi dwar il-lingwa tas-sinjali

L-Oppożizzjoni, iktar tard illum, se tressaq emendi għal-liġi dwar il-Lingwa Maltija tas-Sinjali.
Skont il-PN, l-emendi, ippreżentanti mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità, Robert Cutajar, jagħtu aktar saħħa lill-abbozz ta’ liġi mressaq fil-Parlament.
Jassigura wkoll li l-persuni neqsin mis-smigħ ikollhom aktar faċilitajiet, servizzi u għajnuna b’mod professjonali.
L-Oppożizzjoni qalet li l-aħħar tliet emendi jiżdiedu ma’ żewġ emendi mressqa iktar kmieni – dwar awtonomija lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u emenda fil-Kostituzzjoni dwar il-persuni b’diżabilità.
Il-PN qal li b’hekk qed jaħdem b’mod konkret biex, bħal fis-settur ambjentali, anke fil-qasam tad-diżabilità tingħata vuċi iktar b’saħħitha lill-għaqdiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet.