Filmat: L-Oppożizzjoni toħroġ mill-Parlament

L-Oppożizzjoni rtirat mill-Kamra tar-Rappreżentanti f’reazzjoni għar-ruling tal-iSpeaker dwar kliem dispreġġjattiv li għadda matul il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet.
Waqt il-laqgħa, id-Deputat Laburista Joe Debono Grech qal, fil-konfront tad-Deputat indipendenti Marlene Farrugia, “Niġi għalik u nifqgħek”. Farrugia instemgħet tgħid il-kelma “pulċinell”. Allegatament, qalet ukoll il-kliem “korrott”, iżda ċaħdet li tenniet din il-kelma dwar id-Deputat Laburista. Wara l-inċident, il-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius talab lill-iSpeaker jinvestiga l-każ.
Matul ir-ruling tiegħu, waqt li nnota li ħadd miż-żewġ deputati ma talab Ksur ta' Privileġġ, l-iSpeaker ordna liż-żewġ deputati jirtiraw il-kliem dispreġġjattivi fil-konfront ta’ xulxin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-iSpeaker jindika jekk huwa kienx qed iqis il-kliem ta’ Farrugia u Debono Grech bl-istess mod. L-iSpeaker qal li ma kellux xi jżid mar-ruling. Hawn Busuttil qal li l-Oppożizzjoni kienet se tirtira mill-Kamra u kienet se tispjega l-atteġġjament tagħha lill-mezzi tax-xandir. Iktar tard, hekk kif l-Oppożizzjoni reġgħet lura fil-Kamra tar-Reppreżentanti Busuttil qal li l-Oppożizzjoni kienet se tressaq mozzjoni dwar dan ir-ruling.
Jiddeskrivi l-kummenti ta’ Debono Grech bħala inaċċettabbli
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Busuttil spjega li l-Oppożizzjoni ħarġet mill-Parlament bħala protesta għaliex skont ir-regoli tal-Kamra tar-Rappreżentanti mhux possibbli li ruling tal-iSpeaker jiġi kkontestat. Huwa ddeskriva l-kummenti ta’ Debono Grech bħala inaċċettabbli. Fi kliemu, l-Oppożizzjoni kienet sorpriża u ddiżappuntata bir-ruling li poġġa fl-istess keffa lil Farrugia, li kienet mhedda, u lil Debono Grech li heddidha.
"In-nisa abbużati fi djarhom ma jistgħux iħossu ġustizzja, la l-Parlament ma pproteġiex lili"
F'diskors li għamlet, Marlene Farrugia qabblet il-kliem fir-rigward tagħha mal-abbuż li ħafna nisa jsofru fi djarhom. Hija sostniet li r-ruling jibgħat messaġġ ħażin hekk kif meta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, mara tiġi nsultata u mhedda bla protezzjoni, dawk in-nisa li għaddejjin minn din il-biża’, ma jistgħux iħossu li magħhom se ssir ġustizzja.