​L-Oppożizzjoni toħroġ mill-Kamra minħabba Konrad Mizzi

L-Oppożizzjoni ħarġet mill-Kamra tar-Rappreżentanti, malli l-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi kien se jibda l-istqarrija Ministerjali dwar it-trasferiment tal-art f’San Ġiljan, magħrufa bħala tal-ITS.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fakkar dwar il-fehma tal-Oppożizzjoni li ma tirrikkonix il-leġittimità ta’ ministru li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama u għaldaqstant l-Oppożizzjoni se toħroġ mill-Kamra waqt li jkun qed jindirizza s-sedja.
Dr Busuttil stqarr li meta d-Deputati tal-Oppożizzjoni se jidħlu lura, se jkunu qed jistaqsu l-mistoqsijiet lill-Prim Ministru, “għax hu responsabbli li jwieġeb dwar l-art tal-ITS.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni ftehmu 24 siegħa ilu, li l-istqarrija ministerjali se ssir minn Konrad Mizzi.
Ilbieraħ, hekk kif il-Ministru Mizzi qam biex jagħmel l-istqarrija ministerjali, il-Kap tal-Oppożizzjoni oġġezzjona għax l-istqarrija kienet se ssir minn Konrad Mizzi u mhux mill-Prim Ministru u għax l-Oppożizzjoni ma kellhiex ċans tipprepara ruħha, għax it-tagħrif kien għadu kif ġie ppubblikat.
Il-Prim Ministru qal li hu ddelega lill-Ministru Mizzi, kif għandu kull dritt li jagħmel bħala Prim Ministru. 
Iż-żewġ partijiet qablu li d-diskussjoni kellha ssir illum, biex l-Oppożizzjoni jkollha ċans tara d-dokumentazzjoni.