L-Oppożizzjoni toffri l-għajnuna lill-Professur Gauci

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ltaqa’ mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika il-Prof. Charmaine Gauci u maċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Patologija Dr Chris Barbara fejn għarrafhom li l-Oppożizzjoni qiegħed tagħmel l-almu tagħha biex Malta tilqa’ kemm jista jkun l-imxija tal-coronavirus. Huwa qal dan filwaqt li saħaq li l-interess huwa biex  tiġi assigura saħħet il-poplu. Huwa stqarr li l-Oppożizzjoni qed tkun waħda propożittiva.

Delia offra l-għajnuna tal-PN permezz tal-proposti li saru li jindirizzaw it-tħassib tan-nies u billi żżomm kuntatt kontinwu mal-korpi kostitwiti biex tkun kapaċi tifhem dejjem aktar mhux biss l-isfidi fil-qasam tas-saħħa iżda wkoll ekonomiċi, li n-negozji u familji tagħna qed jħabbtu wiċċhom magħhom.

Matul din il-laqgħa il-Prof. Charmaine Gauci spjegat il-miżuri li qed jieħu l-Gvern f’din il-kriżi. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tkellmet ukoll dwar l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-miżuri fuq pajjiżna. Min naħa tiegħu Dr Delia rringrazzja lil kull min bħalissa qed jaħdem bla heda, minkejja r-riskju li jkunu qed jpoġġu rwieħhom fih, u saħaq dwar l-importanza li l-pubbliku isegwi l-istruzzjonijiet li qed jagħtu l-awtoritajiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn