Ftit mit-tfal jingħataw permess ta’ residenza, Identity Malta tiċħad

Aġġornat 02:59 PM

Tal-inqas 12-il tifel u tifla huma mhedda b'deportazzjoni

Read in English.

Xi wħud mit-tfal barranin li joqogħdu Malta li kienu mhedda b’deportazzjoni peress li ma kellhomx permess ta’ residenza f’Malta, irċevew ittra minn Identity Malta li l-permess ġie approvat illum. Madankollu, ħafna familji għadhom qed jistennew tweġiba uffiċjali.

Dan kitbitu waħda mill-ommijiet fuq Facebook. Hija rringrazzjat lil kull min għenhom u kull min appoġġjahom.

“Ma bdilna jew irtirajna l-ebda deċiżjoni” – Identity Malta

Madanakollu, aktar tard kelliem għal Identity Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Aġenzija trid tiċċara li ma biddlet u lanqas irtirat xi deċiżjoni tagħha dwar applikazzjonijiet għall-permess ta’ residenza. Fisser li d-deċiżjonijiet fuq it-talbiet biex joħorġu jew jiġġeddu permessi ta’ residenza jittieħdu fuq bażi kontinwa u kull applikazzjoni tiġi eżaminata abbażi tal-liġi applikabbli u wara kunsiderazzjoni meqjusa taċ-ċirkostanzi ta’ kull applikant.

41 tifel u tifla kienu qed jaffaċċjaw id-deportazzjoni. Dan għaliex il-ġenituri tagħhom ma jissodisfawx il-kriterji ta’ politika li tgħid li għandhom jaqilgħu €19,000 fis-sena flimkien ma’ €3,800 għal kull wild.

Aktar minn 3,000 persuna ffirmaw petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt biex it-tfal jibqgħu Malta. Fosthom kien hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-Gvern Malti biex ma jkeċċix lit-tfal.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-PL Chris Fearne qal li jaħseb li l-każ daqt jissolva.

L-Oppożizzjoni titlob lill-Gvern biex jiddiskutu d-destin tat-tfal

Dalgħodu l-Oppożizzjoni kitbet lill-President tal-Kumitat tal-Affarijiet tal-Familja biex dan il-Kumitat Parlamentari jiltaqa’ mill-aktar fis possibbli sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni ta’ għadd ta’ tfal ta’ nazzjonalità barranija li qegħdin jaffaċċaw id-deportazzjoni, u li b’riskju ta’ dan, tilfu l-ewwel tliet xhur mis-sena skolastika.

Din it-talba tressqet uffiċjalment mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja Claudio Grech, li huwa wkoll membru tal-Kumitat Permanenti tal-Affarijiet tal-Familja. Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li l-Oppożizzjoni għamlet din it-talba wara li segwiet din is-sitwazzjoni mill-viċin ħafna, fejn ħadet pożizzjoni kawtela “bit-tama li s-sens komun u l-interess tat-tfal jipprevali, jidher però li ma mhux talli ma nstabitx soluzzjoni għal dawn it-tfal iżda għadhom qed jiffaċċjaw deportazzjoni minn pajjiżna b’riżultat ta’ applikazzjoni ta’ policy minn Identity Malta.”

Grech irrefera għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, li ġie approvat fil-Parlament b’mod unanimu, li jistabbilixxi li “f’kull mument għandu jkun imħares, protett u mogħti l-aqwa prijorità l-aqwa interess tat-tfal,” u b’hekk, skont il-PN, dan ipoġġi responsabbiltà morali sabiex is-sitwazzjoni li qegħdin jgħaddu minnha dawn it-tfal tingħatalha l-importanza li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li t-tfal għandhom dritt għal tfulija normali u serena.

Jumejn ilu, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, Charles Caruana Carabez, qal illi hu lest jagħmel kull investigazzjoni li hemm bżonn biex jara li din is-sitwazzjoni titranġa.

Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar, President tal-Kumitat tal-Affarijiet tal-Familja, ukoll leħħnet ħsibijietha fuq din is-sitwazzjoni u qalet li t-tfal jixirqilhom jiksbu edukazzjoni bħat-tfal l-oħra.