L-Oppożizzjoni titlob lil Awditur Ġenerali jinvestiga l-bejgħ tal-isptarijiet; Il-Gvern diġà għamel hekk sena ilu – PL

L-Oppożizzjoni għamlet talba uffiċjali mal-Awditur Ġenerali biex issir investigazzjoni b’rabta mal-kuntratti ta’ privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi mal-Vitals Global Healthcare Malta (VGH). F’konferenza tal-aħbarijiet il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius tkellem dwar it-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċess tat-trasferiment tal-konċessjoni. F’ittra mibgħuta lill-Awditur Ġenerali, il-Membri Parlamentari Beppe Fenech Adami, Kristy Debono u Claudio Grech ikkritikaw iż-żieda ta’ €17,840,000 fl-allokazzjoni għall-ħlasijiet lill-Vitals. Fissru kif din tirrappreżenta żieda ta’ 108% tal-allokazzjoni oriġinali approvata fil-Baġit tal-2017. Fenech Adami qal li l-Gvern ta’ Joseph Muscat deherlu li jista’ jiddisponi bil-moħbi minn tliet sptarijiet tal-Gvern. Fakkar kif l-Oppożizzjoni dejjem kienet qajmet l-oġġezzjonijiet tagħha, speċjalment peress li n-negozjati sar bil-moħbi. Stqarr li l-kumpanija li ntgħażlet kienet waħda mingħajr il-kredenzjali meħtieġa fil-qasam tas-saħħa. Beppe Fenech Adami sostna li din il-kumpanija qed tagħmel negozju minn fuq dahar il-poplu Malti. Żied jgħid li issa, iż-żmien tal-ħabi spiċċa. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar x’kienet tagħmel l-Oppożizzjoni li kieku kienet fil-pożizzjoni tal-Gvern bħalissa, David Agius wieġeb li żgur li d-deċiżjonijiet kienu jkunu differenti. Madanakollu mingħajr ma żvela x’kien ikun il-pjan tal-PN, qal li fis-sigħat u fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed jispjegaw x’seta’ sar aħjar. Żied jgħid li l-PN se jkun qed jesplora diversi oqsma differenti biex jara x’jista’ jsir dwar dawn l-aħħar żviluppi fil-bejgħ tal-isptarijiet.
L-Oppożizzjoni m’għamlet xejn ġdid – PL
F’reazzjoni għall-konferenza tal-PN, il-Partit Laburista qal li sena ilu l-Gvern kien diġà mar għand l-Awditur Ġenerali biex jgħidlu jistħarreġ il-kuntratti li waslu għall-Public Private Partnership fis-settur tas-saħħa. Skont il-PL, l-Oppożizzjoni m’għamlet xejn ġdid.
Il-PLstqarr li “kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, li f’Diċembru tal-2016 talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare.”
Fi kliem il-PL, l-Oppożizzjoni qed “tibqa’ tinsisti li tgħid li l-kuntratt ta’ Vitals kellu partijiet neqsin.” Il-PL saħaq li l-Awditur Ġenerali għandu aċċess għalih b’mod sħiħ u jista’ jinvestiga kemm irid u sa meta jrid.