​L-Oppożizzjoni titlob l-irtirar tal-Abbozz dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali

L-Oppożizzjoni talbet l-irtirar tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali.
Dan hekk kif illum, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia fetaħ fil-Parlament it-Tieni Qari tal-istess abbozz.
L-Abbozz kif propost jipproponi li ħaddiema soċjali għandu jkollhom warrant mogħtija minn Bord imwaqqaf apposta liema Bord. Il-warrant tingħata lill-persuni li jkollha grad rikonoxxut fix-xogħol soċjali u sentejn esperjenza taħt superviżjoni.
Id-diskussjoni dwar it-tieni qari, bi ftehim bejn iż-żewġ partijiet tal-Kamra, infetħet mill-Ministru Farrugia iżda ma kellhiex tweġiba immedjata mill-Oppożizzjoni. Minkejja dan, f’ point of order, id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonniċi innutat li l-Ministru saħaq li l-konsultazzjonijiet mas-settur għadhom għaddejjin u talbet biex il-Gvern jirtira dan l-abbozz sakemm jintemmu dawn il-konsultazzjonijiet. Farrugia wieġeb li hu normali li konsultazzjonijiet dwar abbozz ta’ liġi jibqgħu għaddejjin sakemm tibda d-diskussjoni fuq stadju ta’ Kumitat. Fakkar li emendi għal abbozz għadhom possibbli sakemm tintemm id-diskussjoni f’dak l-istadju.