Bejgħ ta’ sptarijiet: Jaqblu li jiddiskutu, imma diżgwid dwar fejn

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni mhux jaqblu dwar fejn se jiddiskutu b’mod immedjat, dak li l-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ l-impatt negattiv tal-ftehim tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet fuq il-bqija tas-servizz tal-kura tas-saħħa f’Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius ħabbar li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri għamel talba mal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa, biex l-istess kumitat jiddiskuti dan b’mod urġenti.
F’reazzjoni, il-Gvern qal li jaqbel li ssir diskussjoni fil-Parlament dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet, però ppropona li d-diskussjoni ssir fil-plenarja tal-Parlament biex “tingħata l-importanza li jixirqilha”.
Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għamel din l-għażla “għax għandu x’jaħbi”. Dan għaliex fi kliem il-PN, il-Gvern jibża’ jinvolvi l-istakeholders kollha fid- diskussjoni, inkluż l-Awditur Ġenerali biex jinvestiga t-tranżazzjonijiet kollha.
Fi kliem il-PN, l-Oppożizzjoni mhix kontra diskussjoni fil-Plenarja imma trid diskussjoni fil-Kumitat permanenti tas-Saħħa fejn jista’ jipparteċipa kulħadd.
Il-Gvern iżda saħaq li fuq inizjattiva tal-Gvern stess, f’Diċembru ta’ sentejn ilu, il-kuntratti intieri ffirmati bejn il-Gvern u VGH qegħdin diġà għall-iskrutinju mill-Awditur Ġenerali.
It-talba tal-Oppożizzjoni dalgħodu saret permezz ta’ ittra liċ-Ċerpersin tal-Kumitat Parlamentari Silvio Grixti.
Fl-istess konferenza tal-Oppożizzjoni, tħabbar li se tkun qed issir talba lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sabiex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet skont il-ftehim oriġinali bejn il-Gvern u l-Vitals.
David Agius għamel numru ta’ mistoqsijiet waqt il-konferenza fosthom:

  • Għaliex telqet minn Malta l-Vitals meta suppost kellha kuntratt ta’ 30 sena?
  • Jista’ l-Gvern jgħid min huma s-sidien ta’ Vitals?
  • Kemm laħqu ħadu flus il-Vitals sakemm kienu għadhom f’Malta?
  • Ġew osservati r-regolamenti tal-akkwisti pubbliċi?
  • Il-Gvern lest jippubblika l-kuntratt li sar mal-Vitals b’mod sħiħ?

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri stqarr li l-bejgħ tat-tliet sptarijiet minn dejjem kien imdawwar b’qoxra ta’ segretezza.

Il-konsorzju Vitals Global Healthcare (VGH) kien rebaħ il-proċess tal-għażla sabiex jikkollabora mal-Gvern fit-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak Ġenerali t’Għawdex.
Fil-21 ta’ Diċembru ġie żvelat li l-VGH kienet inxtrat minn Steward Health Care System. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal ma’ Newsbook.com.mt li t-taħditiet biex dan isir kienu ilhom għaddejjin diversi xhur, iżda l-ftehim ġie ffirmat il-lejl ta’ qabel ma ħarġet l-aħbar fuq sezzjoni tal-midja. Fearne ma kienx wieġeb għaliex il-Gvern ma qalx qabel li kienu għaddejjin dawn it-taħditiet.
Madanakollu, il-Ministru għas-Saħħa insista li kollox se jibqa’ l-istess, li s-servizz tal-kura tas-saħħa se jibqa’ mingħajr ħlas u li l-ħaddiema se jibqgħu bl-istess kundizzjonijiet. Insista li bħala Ministru xogħlu hu li jassigura li l-kumpanija żżomm mal-obbligazzjonijiet tagħha.
Il-ġimgħa l-oħra, il-gazzetta The Sunday Times of Malta ppubblikat artiklu li jgħid li l-VGH ma żammitx mal-obbligi kollha tagħha fit-tmexxija tat-tliet sptarijiet u li l-kontenut tal-isptarijiet inbiegħ kollu mill-Gvern għal €1.
“L-Oppożizzjoni bdiet l-2018 kif spiċċat ta’ qabilha: negattiva” – PL
Il-Partit Laburista rreaġixxa għat-talba tal-Oppożizzjoni, billi fost l-oħrajn qal li l-Partit Nazzjonalista beda s-sena l-ġdida negattiv u kontra kull investiment.
Sostna li l-Kap Adrian Delia kompla fejn ħalla l-ekskap Simon Busuttil, jiġifieri kontra l-investiment privat fil-qasam tas-saħħa.
Il-PL qal li l-gvern hu determinat li jibdel l-affarijiet għall-aħjar billi se jiddiskuti fil-Parlament għall-iskrutinju u t-trasparenza.
Żied jgħid li l-operatur il-ġdid tat-tliet sptarijiet, Steward Health Care System, għandu l-għan li joffri servizz aħjar li jibqa’ b’xejn għal pazjenti Maltin, iżda, skont il-PL, il-PN irid itemm dan kollu.
Il-PL temm jgħid li dan hu differenti ħafna minn meta Gvern Nazzjonalista ħalla l-isptarijiet, fi kliemu, jaqgħu biċċiet.

Tista' taqra l-ittra li ntbagħtet liċ-Ċerpersin tal-Kumitat Parlamentari Kumitat tas-Saħħa Silvio Grixti hawn: