L-Oppożizzjoni titlob inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Miriam Pace

Read in English.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jwaqqaf inkjesta pubblika indipendenti sabiex jinstab jekk Miriam Pace tilfitx ħajjitha traġikament kawża ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-istituzzjonijiet.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-inkjesta pubblika, fi żmien xahrejn għandha tirrapporta jekk fil-każ li wassal għal mewt ta’ Miriam Pace, l-istituzzjonijiet wettqux dak li kien mistenni minnhom sabiex jipproteġu l-ħajja u l-interessi ta’ terzi, qabel u waqt ix-xogħlijiet tal-kostruzzjonijiet u jekk ittieħdux il-miżuri kollha meħtieġa.

Qal li l-inkjesta pubblika għandha tistabbilixxi wkoll jekk il-miżuri li ttieħdu kienux adewgati sabiex jipproteġu l-ħajja u jekk setgħux ittieħdu miżuri oħrajn biex il-mewt ta’ Miriam Pace tiġi evitata. Qal ukoll li għandu jinstab jekk min kien fdat bit-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet kienx kwalifikat, imħarreġ, kompetenti, ippreparat u attrezzat biżżejjed biex ilaħħaq mal-obbligi tal-infurzar tal-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista semma wkoll minn min għandu jkun magħmul il-bord ta’ inkjesta. Qal li l-bord ta’ din l-inkjesta pubblika għandu jkun immexxi minn imħallef u b’maġistrat bħala wieħed mill-membri u għandu jkollu l-mezzi, r-riżorsi u s-sostenn loġistiku kollu meħtieġ fil-qadi tal-inkarigu. Qal ukoll li r-rapport tal-inkjesta pubblika għandu jitressaq lill-Ispeaker tal-Kamra u jkun ippubblikat minnufih.

“L-Oppożizzjoni qed tressaq din il-mozzjoni wara li issa għadda aktar minn xahar mill-mewt ta’ Miriam Pace u minkejja d-diversi talbiet għal inkjesta pubblika dwar l-aġir jew possibbilment nuqqasijiet tal-Awtoritajiet din l-inkjesta baqgħet qatt ma twaqqfet,” temmet tgħid l-istqarrija.

Miriam Pace tilfet ħajjitha traġikament fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Dan wara li d-dar tagħha ġġarfet kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir maġenba. Hi kienet fid-dar fil-ħin tat-tiġrif. Ir-raġel tagħha, Carmel Pace, tkellem kemm-il darba dwar kif ir-regħba tal-kostruzzjoni ħalliet lill-familja tiegħu mingħajr il-figura materna, filwaqt li tenna l-uġigħ u l-vojt li ħalliet warajha Miriam.