L-Ispeaker jiċħad it-talba tal-Oppożizzjoni; l-ebda diskussjoni fuq il-coronavirus

Minflok il-Parlament beda jiddiskuti mozzjoni dwar Għawdex

Read in English.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ċaħad it-talba tal-Oppożizzjoni li biex l-aġenda parlamentari tkun sospiża biex il-kamra tiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus. 

Huwa qal li filwaqt li jaqsam it-tħassib imressaq mill-Oppożizzjoni u jaqbel li din hi materja definita u ta’ importanza pubblika, mhix urġenti fis-sens li l-ordni permanenti 13 tistipula jekk tali dibattitu ma jsirx b’mod urġenti jista’ jkun tard wisq li din it-tema tkun dibattuta darb’oħra.

Farrugia qal li s-sitwazzjoni dwar il-coronavirus għadha qed tiżviluppa u din diġà ġiet diskussa diversi drabi fil-parlament u saru żewġ stqarrijiet ministerjali din il-ġimgħa stess.

Il-Parlament kompla bis-seduta normali fejn qed tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni sabiex jitwaqqaf Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex. 

Din il-mozzjoni sabet l-appoġġ tal-Gvern u l-kumitat mistenni jitwaqqaf b’ħames membri u dan se jkun l-aħħar 10 kumitat imwaqqaf fil-parlament.

Aktar kmieni l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jissospendi l-aġenda tal-Parlament skont l-Istanding Order 13 u l-kamra tiddiskuti s-sitwazzjoni tal-pajjiż fid-dawl tal- imxija tal-coronavirus. Delia qal li l-Gvern mhux qed jaqbel ma’ din il-proposta u talab ruling mill-ispeaker.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li din il-kwistjoni kienet diskussa fil-Parlament nhar it-Tlieta li għaddew, meta hu ta stqarrija dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-istanding order titkellem dwar il-possibiltà li x-xogħol normali tal-kamra jkun sospiż fuq sitwazzjonijiet urġenti li jkunu nqalgħu dakinhar stess. Huwa qal li ironikament l-Oppożizzjoni kkritikat lill-Gvern li l-virus kien ilu li nxtered tliet xhur u ma ħa l-ebda azzjoni. Dan qajjem kjass sħiħ fil-parlament bl-ispeaker ssospenda l-kamra għal ruling.

Ftit tal-ħin qabel, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-miżuri ristrettivi li daħlu f’ San Vinċenz huma maħsuba li jbiegħdu l-coronavirus mir-residenza tal-anzjani. 

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet supplimentari mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, hu qal li ddaħħlet proċedura ta’ triage barra r-residenza kif ukoll il-ħinijiet ġew ristretti għal siegħa filgħodu u tnejn wara nofsinhar. Barra minn hekk, persuna waħda biss tista’ tidħol ħdejn l-anzjani. Huwa qal li hemm ukoll pjanijiet ta’ kontinġenza jekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż tinbidel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn