Aġġornata: L-Oppożizzjoni titlaq ‘il barra u titkellem mal-midja

Il-Partit Nazzjonalista ħareg mill-Parlament wara battibek jaħraq dwar l-ewwel storja li ppubblikaw mill-front tal-ġurnalisti internazzjonali magħruf bħala Daphne Project.
L-istorja ddur madwar intervista li saret lill-membri tal-familja Caruana Galizia fejn allegaw li Ministru Chris Cardona kien f’kuntatt ma’ wieħed mill-persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll li l-istess akkużati kienu mgħarrfa bl-arrest tagħhom ġurnata qabel. Din l-istorja kienet irrapurtata mill-gazzetta The Times of Malta li hija parti mill-konsorzju ta' ġurnalisti minn 18-il pajjiż li qed jikkollaboraw fil-Proġett Daphne.
Wara l-ħin tal-mistoqsijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lin-naħa tal-Gvern jekk il-Gvern kellux intenzjoni li jagħmel stqarrija ministerjali dwar dak li huwa qal li l-poplu għandu dritt ikun jaf.
Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri insista mal-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid taħt liema regola tal-istanding order ħa l-kelma u qed jagħmel it-talba tiegħu.
Il-qiegħa saħnet wara battibekk sħiħ bejn il-kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Whip Laburista. Fl-istess ħin, d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru tal-Intern li kien fil-kamra tad-deputati jekk kellux tweġiba għall-istqarrija li saret fil-midja internazzjonali li l-akkużati kinux avżati qabel l-arrest li se jkunu arrestati.
F`ħin minnhom, il-Partit Nazzjonalista abbanduna l-kamra bi protesta, tant li l-Whip Laburista talab lill-Ministru tas-Sigurtà Soċjali biex jagħlaq it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar l-att tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali.
Madanakollu, Camilleri reġa' lura minn din id-deċizjoni wara li nġibdet l-attenzjoni tiegħu li kien għad fadal fil-kamra l-membru tal-Partit Demokratiku Geoffrey Farrugia li ħa l-kelma.
"Il-Kap tal-PN tkellem biss biex jintgħoġob mal-partitarji" – Partit Laburista
Sadanittant, il-PL f’reazzjoni nnota l-kummenti ta' Adrian Delia llejla fil-Parlament.
Sostna li Delia, li dwaru Daphne Caruana Galizia u familtha għamlu diversi allegazzjonijiet, kien imġiegħel jitkellem bilfors biex ma jkomplix jurta lil dawk fil-Partit Nazzjonalista li, skont l-istqarrija, ma  jirrikonoxxuhx bħala l-Kap tagħhom.
L-istqarrija ttemm tgħid li jekk xi ħadd għandu xi tagħrif imur bih għand l-investigaturi għax il-ġustizzja ma ssirx bl-ispekulazzjoni.
"Il-PD jikkundanna li l-Gvern mhux jirrikonoxxi l-artikli investigattivi internazzjonali dwar il-qtil ta' Daphne" – Partit Demokratiku
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku kkundanna bla ebda riserva li l-Gvern mhux jirrikonoxxi l-bosta artikli investigattivi u ta' analiżi fil-midja internazzjonali, dwar dak li sejjaħ "qtil makabru ta' Daphne".
Madanakollu saħaq li m'għamilx bħall-Oppożizzjoni tal-PN u ma ħariġx 'il barra biex ma jabbandunax il-vuċi tal-poplu.