Aġġornata: Ir-riżenja tal-Kummissarju m’għandhiex x’taqsam mal-każ Dalli – Mallia

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni ddibbattew il-bidla fl-għola kariga tal-korp tal-Pulizija, fil-ftuħ tas-seduta Parlamentari llejla, hekk kif filwaqt li l-Ministru Manuel Mallia għamel Stqarrija Ministerjali dwar il-pjanijiet tal-Gvern għall-Korp, il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista fuq numru ta’ mistoqsijiet u sostna li t-tneħħija ta’ Peter Paul Zammit kienet minħabba li dan tal-aħħar m’għamilx xogħlu sew.
Simon Busuttil irrimarka li r-riżenja ta’ Peter Paul Zammit saret biss jiem wara li l-OLAF ippuntat subgħajha lejh għal nuqqas ta’ kollaborazzjoni fl-investigazzjonijiet li wasslu għar-riżenja tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli – bil-Ministru Manuel Mallia iktar tard jgħid li din il-kwistjoni ma kellha xejn x'taqsam mar-riżenja ta' Zammit u li diskussjonijiet dwar din il-bidla kienu għaddejjin "minn jiem qabel" filwaqt li hu bħala Ministru ma kienx jaf li Giovanni Kessler kien talab informazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Simon Busuttil staqsa wkoll b’liema awtorità l-konsulent tal-Prim Ministru, John Dalli, wassal messaġġ lill-uffiċċjal tal-OLAF li jekk jiġi f’Malta dan jiġi arrestat u jekk kull konsulent tal-Prim Ministru issa għandu d-dritt jagħmel dan.
Mistoqsijiet oħra mill-Oppożizzjoni kienu jinkludu mistoqsijiet dwar jekk Peter Paul Zammit għadux membru tal-Korp u jekk Ray Zammit għadux responsabbli mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 
Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa għaliex Manuel Mallia ma spjegax għaliex Peter Paul Zammit tneħħa mill-kariga tiegħu, u għaliex il-Gvern ħatar lil Ray Zammit bħala Aġent Kummissarju u mhux bħala Kummissarju.
Iktar kmieni, f’dikjarazzjoni “dwar il-bidla fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija” l-Ministru tal-Intern sostna li l-Gvern hu determinat li jirriforma l-Korp tal-Pulizija “mit-telqa li sabuh fiha”. Sostna li l-Gvern għandu viżjoni għall-Pulizija fosthom li karigi għolja fi ħdan il-Korp jingħataw b’kuntratt ta’ tliet snin; ikun hemm diviżjoni fil-management tal-Korp b’Kap Eżekuttiv responsabbli mill-aspetti amministrattivi ta’ kuljum; tisħiħ tal-Media Relations Office b’iktar riżorsi u jaħdem iktar b’mod proattiv mal-ġurnalisti u mal-pubbliku; u amministrazzjoni separata li tkun responsabbli mit-taħriġ tal-Pulizija, miż-żamma tal-ordni u l-paċi pubblika, miż-żamma tal-għases u mill-Akkademja tal-Pulizija.
Qal li l-Gvern irid li jkun hemm Kulleġġ tal-Pulizija kif għandhom pajjiżi oħra, li jkun joffri taħriġ u studju għal min ikun dieħel fil-korp, u taħriġ –inkluż fiżiku– għall-membri tal-korp.
Gvern u Oppożizzjoni awguraw lil Ray Zammit fil-kariga ta’ Aġent Kummissjaru, bil-Ministru Mallia jżid jgħid li hu jawgura li s-Sur Zammit “ma jsibx l-ostakli li sab Peter Paul Zammit, inkluż tajn, biex ma jaħdimx”. Manuel Mallia rringrazzja lil Peter Paul Zammit għall-ħidma tiegħu.