Il-PM jaċċetta proposta tal-Oppożizzjoni ta’ ‘front komuni dwar l-immigrazzjoni’

Il-Prim Ministru Joseph Muscat aċċetta proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fil-Parlament illejla, li Gvern u Oppożizzjoni jkollhom front komuni dwar l-immigrazzjoni u jkun hemm ħidma flimkien f’Malta, fi Brussell u f’istituzzjonijiet internazzjonali.
Busuttil qal li l-Oppożizzjoni trid timxi ma’ sett ta’ prinċipji –
– Il-prijorità li jiġu salvati l-ħajjiet;
– Fl-interess nazzjonali jsir kull ma jista’ jsir biex jiġi kkontrollat l-influss ta’ nies lejn il-pajjiż biex ma jġorrx iktar milli jiflaħ;
– Il-politika ta’ pushback mhix aċċettabbli – min għandu dritt japplika għal kenn jingħata l-possibiltà li japplika, min m’għandux dritt japplika, jintbagħat lura;
– Le għall-politika populista, atteġġjament xenofobiku;
– Koperazzjoni sinċiera bejn Gvern u Oppożizzjoni fejn il-Gvern iżomm lill-Oppożizzjoni nfurmata kontinwament b’laqgħat regolari tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Immigrazzjoni anke jekk tkun l-Oppożizzjoni li titlob laqgħa.
Simon Busuttil kien qed jitkellem wara l-istqarrija tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament wara s-summit tal-kapijiet tal-pajjiżi tal-UE l-ġimgħa li għaddiet li ttrattat, fost l-oħrajn, l-immigrazzjoni.
Iktar kmieni l-Prim Ministru qal li Malta u l-Italja qed jinsistu flimkien dwar sens ta’ urġenza għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Qal li llum kulħadd qed jifhem l-importanza tas-salvataġġ tal-ħajjiet imma wkoll tal-problema li ġġib magħha l-immigrazzjoni. Qal li “dejjem mexjin lejn impenji iktar konkreti mill-mexxejja Ewropej li qed iħossu li din hi kwistjoni Ewropea” għax illum hemm task force li qed taħdem konkretament fuq hekk. Fil-konklużjonijiet tas-summit hemm riferenza “għall-ewwel darba, għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ekwu tar-responsabiltà”.
Qal li hemm reżistenza qawwija min-naħa tal-pajjiżi l-oħra dwar il-prinċipji tas-sistema ta’ ażil – biex meta persuna tkun “serrħet saqajha f’Malta, tkun serrħet saqajha fl-Ewropa”. 
Muscat qal li hu jieħu pjaċir li jkun hemm front komuni dwar l-immigrazzjoni imma dan dejjem kien hemm u mhix xi ħaġa li qed titwieled illum. Qal li Malta qed tagħti r-riżorsi kollha li tista' fejn tidħol l-immigrazzjoni llegali u ma tistax tagħti iktar minn hekk, filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Armata. 
Qal li l-Gvern ‘wasal fl-aħħar’ biex jidentifika post li jkun jista’ jintuża għal detenzjoni tat-tfal li jaslu Malta mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn adulti, kif ukoll biex dan iċ-ċentru jkun mgħammar b’riżorsi umani adegwati. Qal li filwaqt li l-Gvern hu favur iktar integrazzjoni tal-immigranti fil-pajjiż, ma jaqbilx li dawn jingħataw id-dritt tal-vot.