L-Oppożizzjoni tippreżenta l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ Manuel Mallia

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, flimkien mal-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi u l-Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius, ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru għall-Intern, Manuel Mallia.
Il-mozzjoni ġiet ippreżentata lill-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia.
Il-mozzjoni titlob għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali wara l-każ tal-isparatura fil-Gżira li fih kien involut ix-xufier tiegħu.
Mario de Marco qal li wara dan il-każ, l-Oppożizzjoni tqis li l-pożizzjoni tal-Ministru Mallia m’għadhix iżjed tenibbli.
L-Oppożizzjoni qed issostni li l-istqarrija li ħarġet ftit tal-ħin wara li seħħ il-każ kienet cover-up biex ix-xufier jidher li kien il-vittma f’każ ta’ hit & run.
Il-mozzjoni titlob lill-Kamra tar-Rappreżentanti biex tiċċensura u turi sfiduċja fil-konfront tal-Ministru Mallia u titlob ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ineħħi lil Mallia minn Ministru.
Mario de Marco qal li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jaħtar bord biex jinvestiga l-każ hija biss mossa politika biex iwarrab mir-responsabbilità.
Il-mozzjoni se titniżżel fil-ktieb tal-mozzjonijiet biex tinstab data meta se tiġi diskussa fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tistenna li l-mozzjoni tiġi diskussa malajr kemm jista’ jkun.