​Aġġornata: Il-Kamra bla kworum – is-seduta aġġornata

Is-seduta tal-Parlament illejla ġiet aġġornata għal għada hekk kif il-Kamra tar-Rappreżentanti spiċċat mingħajr kworum.
Dan, ftit biss wara li l-Oppożizzjoni talbet ruling mill-Ispeaker dwar jekk għandhiex tkompli s-seduta tal-lejla.
L-Oppożizzjoni kienet qed toġġezzjona għad-diskussjoni fuq l-aġenda tal-lejla, dwar abbozz ta’ liġi “dwar it-Trasferiment tal-Attiv, id-Drittijiet, id-Debiti u l-Obbligi tal-Enemalta”.
Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista nsista li ma ssirx diskussjoni fil-Parlament qabel ma l-Gvern jippubblika kull ftehim li hu għamel dwar l-Enemalta jew dwar dan il-qasam filwaqt li sejjaħ dan l-abbozz ta’ liġi bħala wieħed li jiffaċilita l-bejgħ tal-Enemalta jew ta’ xi assi tagħha.
L-Oppożizzjoni nsistiet li l-“konvenju” li l-Gvern iffirma dwar dan il-qasam għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi qal li dan l-att hu intiż li jimmodernizza lill-Korporazzjoni Enemalta, irrispettivament jekk ikunx hemm investiment ta’ Shangai Electric jew xi kumpanija oħra. Qal li l-Oppożizzjoni trid tbiss tfixkel, u li l-Gvern dejjem għamel Stqarrijiet Ministerjali dwar dan il-qasam fil-Parlament.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq li hu kien se jirtira biex jieħu d-deċiżjoni iżda s-seduta kellha tibda kif skedata, bl-Aġent Speaker jieħu postu. Madankollu, f’dak il-ħin, l-Oppożizzjoni rrimarkat li ma kienx hemm kworum. Għalkemm is-seduta ġiet sospiża għal tmien minuti, l-Ispeaker informa lill-Kamra li kworum baqa' ma ntlaħaqx u għalhekk aġġorna s-seduta għal għada.