L-Oppożizzjoni tiltaqa’ mat-tmexxija tal-PBS

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ltaqgħet mat-tmexxija tal-istazzjon Nazzjonali PBS f’laqgħa kordjali li nżammet fl-uffiċini tal-Public Broadcasting Services fi Gwardamangia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li “mix-xandir pubbliku wieħed jistenna l-ogħla livell ta’ aħbarijiet li huma korretti, fattwali u imparzjali”. Huwa qal “li l-fatt li x-xandir pubbliku jirċievi fondi pubbliċi jqiegħed responsabbiltà kbira fuq dawk maħtura sabiex imexxu dan ix-xandir. Xandir pubbliku m’għandu qatt ikun użat mill-Gvern għall-promozzjoni partiġġjana iżda għandu l-obbligu li jirrifletti u jxandar opinjonijiet diversi u saħansitra obbligat ixandar kritika għal deċiżjonijiet tal-Gvern”.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona miżuri mmirati biex il-Gvern jgħin lill-midja u lill-ġurnalisti fiċ-ċirkostanzi preżenti bl-imxija tal-coronavirus fosthom fond speċifiku għall-midja u l-ġurnalisti mmexxi mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat f’din iż-żjara mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Midja Therese Comodini Cachia. Huma ltaqgħu fost l-oħrajn ma’ Dr Portughese bħala Chairman tal-Bord tal-PBS u ma’ Reno Bugeja bħala Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS.

Intqal li f’din il-laqgħa ġew diskussi l-obbligi tal-Public Broadcasting Services bħala x-xandar pubbliku, nkluż għall-promozzjoni tal-kultura u l-identità Maltija kif ukoll biex ikun l-akbar promozzjoni possibbli tal-kreattività.

Waqt iż-żjara, id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni ltaqghet ukoll ma’ diversi ħaddiema nkluż il-membri tan-newsroom fosthom il-ġurnalisti. Dr Delia rringrazzja lill-ġurnalisti tal-ħidma siewja u importanti tagħhom. Huwa tenna l-apprezzament tiegħu b’mod partikolari għall-ħidma kontinwa tagħhom waqt iż-żmien tal-pandemija COVID-19.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn