L-Oppożizzjoni ‘tiddibatti’ ma’ siġġijiet vojta

Read in English.

Id-deputati tal-Gvern kollha kienu nieqsa mill-Kamra meta dawk tal-Oppożizzjoni spiċċaw l-argumenti tagħhom fid-dibattitu fuq l-allokazzjoni finanzjarja għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nhar il-Ħamis filgħodu.

B’hekk ma kien hemm ħadd biex ikompli d-diskussjoni meta id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder għalaq il-ħin tal-Oppożizzjoni. Id-deputata Claudette Buttigieg, li kienet qed tippresjedi bħala d-Deputat Speaker, qalet lill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar biex ikompli jitkellem sakemm jasal xi ħadd mill-Gvern.

Il-Ministru José Herrera wasal ftit minuti wara, u qal li kien qed isegwi d-dibattitu mill-uffiċċju tiegħu u jieħu n-noti fuq dak li qalu d-deputati tal-Oppożizzjoni.

Però d-deputat Nazzjonalist Mario Galea għamel point of order, u nsista li f’dan il-każ kellu jibgħat ministru ieħor biex jattendi s-seduta floku.

Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Gvern insista li hu kien preżenti matul is-seduta għajr għal perjodu ta’ madwar żewġ minuti.

Aktar tard, Bedingfield ilmenta li ħadd mill -Oppożizzjoni ma kien preżenti. Però dlonk tkellem Galea biex jikkonferma li kien għadu hemm.