Aġġornata: L-Oppożizzjoni tgħid li Muscat insensittiv; il-PL iwieġbu li hu partiġġjan

L-Oppożizzjoni qalet li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, wera kemm hu insensittiv meta llum fil-Parlament ma tkellimx dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Waqt seduta parlamentari dalgħodu, il-PM tkellem dwar l-Airmalta u żieda fil-paga lill-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru, u dwar aktar benefiċċji għal persuni b’diżabbiltà, fosthom li l-awtiżmu jibda jkun eliġibbli għall-pensjoni tad-diżabbli.
Għal dan l-Oppożizzjoni qalet li filwaqt li l-pajjiż jinsab ixxukkjat, il-PM qed jinjora dan kollu, u qed jiprova jaġixxi business as usual.
“Muscat mhux talli ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà politika, iżda ma jridx li ssir ġustizzja. Muscat lanqas ma jrid li l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jitkellem dwar din it-traġedja nazzjonali, iżda jrid jitfa’ dan il-każ taħt it-tapit.”, ittemm tgħid l-Oppożizzjoni.
"Il-PN intilef fl-argumenti politiċi" – PL
U b'reazzjoni għar-reazzjoni tal-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista qal li qed joħroġ biċ-ċar li għall-Partit Nazzjonalista l-qtil brutali ta’ ġurnalista qed iservi biss biex isiru u  jinħolqu argumenti politiċi.
Il-PL argumenta li dan mhux qed jiġri biss fil-PN, iżda anki fil-pajjiż.
"Filwaqt li x’għandu jiġri internament hija biċċa ta’ Adrian Delia u Simon Busuttil u jistgħu joqogħodu jiġġieldu bejniethom, il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li f’pajjiż fejn tirrenja d-demokrazija huma l-investigazzjonijiet li jwasslu għall-ġustizzja u mhux id-diskors partiġjan", itemm jgħid il-PL.
Ritratt: Arkivji