L-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern dwar il-bastiment Aquarius

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni lill-Gvern Malti quddiem is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.

Meta kien qiegħed iwieġeb l-istqarrija tal-Prim Ministru dwar il-kwistjoni tal-bastiment Aquarius, Delia qal li l-Oppożizzjoni mhux biss qed tappoġġja lill-Gvern iżda lesta tmur miegħu fl-UE biex b’vuċi waħda tiddefendi l-interessi ta’ Malta.

Spanja offriet li tieħu s-629 immigrant abbord Aquarius li jinsab bejn Sqallija u Malta madwar 55km ‘il bogħod minn Malta.

Fil-Parlament Delia qal li dawn huma sitwazzjonijiet delikati u jinvolvu l-ewwel il-ħarsien u d-dinjità u l-ħajjiet umani fl-osservanza tal-liġijiet internazzjonali.

Huwa qal li l-pajjiż irid ikun pront li jagħti l-assistenza biex ma tintilef l-ebda ħajja.

L-Oppożizzjoni se tkun attiva wkoll fl-ambitu Ewropew biex l-obbligi ta’ pajjiżi oħra jiġu osservati u mhux ma jagħmlu xejn.

Hawnhekk, hu stieden lill-Gvern biex imorru flimkien fl-Unjoni Ewropea biex Malta jkollha vuċi fl-Unjoni Ewropea.