L-Oppożizzjoni tal-Kenja tiddikjara rebħa; Il-Kummissjoni Elettorali tmeriha

Il-Kummissjoni Elettorali fil-Kenja qed twissi lill-Oppożizzjoni li ddikjarazzjoni ta’ rebħa għall-kandidat tagħha għall-Presidenza, tista’ tkun meqjusa illegali.
L-Oppożizzjoni ppubblikat il-figuri tagħha stess li qed ipoġġu lil Raila Odinga ħafna ‘il quddiem mill-President attwali Uhuru Kenyatta.
Iżda dan qed jikkuntrasta sewwa ma’ figuri provviżorji li qed juru li l-President Kenyatta għandu vantaġġ kbir fuq l-avversarju tiegħu.
Iċ-Ċermen tal-Kummissjoni Elettorali, Wafula Chebukati, insista li l-Kummissjoni biss għandha l-poter li tiddikjara r-riżultat tal-elezzjoni.
Akkuża lill-Oppożizzjoni li fil-figuri tagħha wettqet żbalji bażiċi tal-matematika.
Osservaturi internazzjonali ddeskrivew l-elezzjoni bħala waħda libera u ġusta.
Minkejja dan ħafna qed jibżgħu li jirrepeti ruħu dak li ġara 10 snin ilu meta aktar minn 1,000 Kenjan miet fi ġlied li nqala’ wara l-elezzjoni.