L-Oppożizzjoni Sirjana tasal f’Ġinevra għat-taħdidiet

Delegazzjoni f’isem l-Oppożizzjoni Sirjana waslet f’Ġinevra fl-Iżvizzera, mhux biex tinnegozja iżda biex tevalwa l-intenzjonijiet tal-Gvern Sirjan dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri umanitarji li jistgħu jippermettu li jsiru taħdidiet politiċi bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni Sirjana.
Id-delegazzjoni, illum se tiltaqa’ mal-mibgħut tan-Nazzjonijiet Maqgħuda Staffan de Mistura.
It-talba tal-Oppożizzjoni hi li qabel jibdew it-taħdidiet mal-Gvern Sirjan, jintemmu l-attakki mill-ajru u l-imblokki.  Ilbieraħ, minn tal-inqas 15-il persuna nqatlu u għexieren oħra weġġgħu viċin il-belt ta’ Aleppo, waqt attakki mill-ajru li setgħu saru mir-Russja fuq gruppi ta’ ribelli.
Fl-aħħar ħames snin, minn kemm ilha li bdiet il-gwerra ċivili fis-Sirja, aktar minn 250,000 ruħ mietu u 11-il miljun oħra ħarbu minn djarhom. 
Il-gwerra fis-Sirja kienet ukoll l-akbar kaġun tal-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa.  Ilbieraħ ukoll, mill-inqas 39 immigrant, fosthom ħamest itfal, għerqu fil-Baħar Eġew waqt li ppruvaw jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżira Griega ta’ Lesbos.