L-Oppożizzjoni se torganizza rally kontra l-proġett propost tal-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-Gvern li fil-port ta’ Marsaxlokk iqiegħed vapur “kbir daqs tliet grawnds tal-futbol” u nhar il-Ħadd, fil-pjazza ta’ Marsaxlokk, l-Oppożizzjoni se torganizza rally mar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Qal li l-poplu qed jagħmel mistoqsijiet leġittimi li l-Gvern għandu jwieġeb u li mhux aċċettabbli li l-Gvern jagħti iktar valur lil riskji marittimi li jista’ jkollu vapur jekk jitqiegħed barra l-port milli lir-riskji li se jiffaċċjaw ir-residenti li jgħixu madwar il-port jekk il-pjan tal-Gvern jibqa’ għaddej.

Qal ukoll li l-MEPA nhar it-Tnejn mistennija tieħu deċiżjoni dwar dan il-proġett u li l-Oppożizzjoni se tkun hemm biex twassal leħen ir-residenti. Appella wkoll lill-Gvern li għadu fil-ħin biex nhar it-Tnejn ma jressaqx l-applikazzjoni għall-vapur fil-port.

Simon Busuttil sostna li l-Gvern għandu l-ewwel jagħmel studji sħaħ tal-alternattivi differenti u staqsa għaliex il-Gvern ma studjax il-possibiltà li l-vapur jitqiegħed barra mill-port. Appella biex il-Gvern jara l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra fosthom li f’Livorno vapur simili tqiegħed 20 kilometru ’l barra mill-port filwaqt li f’Ċipru ftit żmien biss ilu seħħet splużjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella wkoll biex id-deċiżjonijiet dwar proġetti simili jittieħdu minn awtoritajiet li jkunu verament indipendenti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jitkellem fi tmiem diskussjoni fil-Parlament, li llejla ttratta l-proġett tal-Gvern li jaqleb il-power station għall-gass, wara ruling mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fuq talba ta’ Marlene Farrugia, chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, li wkoll għamlet intervent qasir.

Id-diskussjoni nfetħet mill-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Konrad Mizzi. Fiha ħadu sehem numru ta’ deputati min-naħa tal-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-proġett hu wieħed nadif bl-aqwa livelli ta’ sigurtà u joffri vantaġġi ambjentali u ta’ sigurtà, bil-maqlub tal-impressjoni li qed tagħti l-Oppożizzjoni. Qal li l-istudji kollha juru li l-vapur tal-gass kif propost hu ċertifikat minn esperti internazzjonali għas-sigurtà, filwaqt li sostna li ċ-ċilindri tal-gass f’Birżebbuġa huma ferm iktar ta’ periklu minn dak li jista’ jkun il-vapur propost.

Il-Ministru saħaq li minkejja dak li l-Oppożizzjoni qed tipprova twerwer bih, hu jagħti garanzija dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-komunitajiet madwar Delimara filwaqt li fakkar li b’dan il-proġett il-Gvern se jraħħas il-kontijiet tal-Maltin u l-Għawdxin u se jagħti stabilità tal-prezzijiet fuq medda ta’ snin. Sostna li l-proġett se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies taż-żona u fin-naħa t’isfel ta’ Malta hekk kif l-emissjonijiet se jonqsu bin-nofs.

Konrad Mizzi nsista li jekk il-vapur bil-ħażna tal-gass ikun sorġut barra l-port, dan joffri iktar periklu u inqas stabbilità fil-provvista tal-gass. Qal ukoll li l-istudji li saru juru li mhux se jkun hemm impatt fuq it-trasport fil-port ta’ Marsaxlokk filwaqt li nsista li l-Gvern qed jimxi ma’ kull direttiva u regolamenti tal-UE f’dan il-qasam.

Fid-diskussjoni tkellmet ukoll id-deputat Laburista Marlene Farrugia li sostniet li hi vuċi tan-nies. Hi insistiet li ħadd mid-deputati preżenti m’hu espert tas-settur, u li xogħol il-politiċi hu li jagħtu direzzjoni politika imma mbagħad iridu jħallu “f’idejn l-esperti għall-parir serju u aħħari ta’ x’inhu  l-aħjar għall-pajjiż”. Hi wriet dispjaċir għall-fatt li d-diskussjoni fil-Parlament ma saritx f’livell ta’ Kumitat għaliex b’hekk iż-żewġ naħat tal-Kamra seta’ jkollhom l-esperti quddiemhom biex jistaqsuhom u jiġu mwieġba b’mod dirett filwaqt li sostniet li “għandna fiċ-ċans” għal diskussjoni simili. Hi sostniet li n-nies huma inkwetati għaliex qed jisimgħu studji kkwotati li ma jaqblux ma’ xulxin u qed jibżgħu li dak li qed jiġi propost mhux l-iktar utli għall-pajjiż.

Il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, qal li l-Oppożizzjoni ma tridx twaqqaf il-proġett tal-Gvern imma qed tistiednu jerġa’ jagħmel analiżi dettaljata dwar il-ħażna tal-gass. Qal li l-Oppożizzjoni titkellem kontra dan il-proġett għaliex tirrifletti r-riservi tar-residenti taż-żona, tal-koperattiva tas-sajjieda, ta’ Alternattiva Demokratika u ta’ Din l-Art Ħelwa u li l-Oppożizzjoni taqbel li l-power station tinqaleb għall-gass u li l-kontijiet tad-dawl jorħsu, imma hi tal-fehma li pipeline tal-gass jintuża iktar minn kif prevvist mill-Gvern.

Qal ukoll li l-Gvern qed jimxi b’għaġġla minħabba timeframes li ġab fuqu nnifsu filwaqt li nsista li l-kontijiet se jorħsu minħabba, fost l-oħrajn, l-investiment tal-Gvern preċedenti fl-impjant tal-BWSC u l-pipeline tal-gass. Hu sostna li l-proġett hu perikoluż daqs kull proġett ieħor li jinvolvi likwidu li jista’ jaqbad filwaqt li staqsa fejn huma l-istudji marittimi dwar dan il-proġett.
Id-deputat Nazzjonalista George Pullicino min-naħa tiegħu ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed “miżgħud bl-ereżijiet u bil-ħabi”. Sostna li mhux veru li l-Oppożizzjoni hi kontra li l-ġenerazzjoni tal-elettriku titħaddem bil-gass għaliex kien il-PN fil-Gvern li kkommetta lill-UE li tagħti flus lil Malta għall-pipeline tal-gass. George Pullicino kkundanna lill-Gvern li llejla wara s-6pm ppubblika rapport dwar dan il-proġett wara li dalgħodu l-Oppożizzjoni oġġezzjonat mal-MEPA, filwaqt li akkuża lill-Gvern li qed jinjora dak li qed jgħidu esperti barranin li jgħixu f’Malta. Sostna li l-Gvern preċedenti kien ġie offrut proġetti simili imma ma aċċettahomx minħabba l-periklu tat-trasferiment tal-gass minn vapur għall-ieħor.

Id-deputat Laburista Luciano Busuttil, f’intervent qasir imma mqanqal ta’ resident li jgħix taħt id-dell tal-power station f’Marsaxlokk, qal li l-uniku għodda li hu bħala missier għandu hu inhaler ta’ wliedu li jeħtiġuh biex jieħdu n-nifs. Qal li l-arja f’Marsaxlokk saret waħda tqila kemm ilha li l-power station inqalbet għall-heavy fuel oil, b’irwejjaħ jintnu tant li r-residenti qed ikollhom jagħlqu t-twieqi. Qal ukoll li llum il-ġurnata ta’ kuljum hemm vapuri ankrati f’Marsaxlokk biex ifornu ż-żejt lill-power station. Appella b’mod qawwi biex il-power station biż-żejt tingħalaq “illum qabel għada” filwaqt li sostna li r-residenti ta’ Marsaxlokk ma jifilħux iktar l-arja mniġġsa u jaraw lil uliedhom jimirdu.

Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll il-Ministru Leo Brincat, is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia, u d-deputati Chris Fearne min-naħa tal-Gvern u d-deputati Ryan Callus u Toni Bezzina f’isem l-Oppożizzjoni.

Ritratti: Virtual Reality Studios