L-Oppożizzjoni se tinnomina persuna fil-bord tal-Gvernaturi tal-Lands

Il-Kelliem għall-Awtorità tal-Artijiet Ryan Callus qal li l-Oppożizzjoni se tinnomina persuna fil-bord tal-Gvernaturi tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Huwa kien qed jitkellem fil-Parlament waqt l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità Maltija tal-Artijiet għas-sena finanzjarja 2017.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius fakkar kif meta l-Gvern fil-leġiżlatura li għaddiet ħattar il-Bord tal-Gvernaturi, il-Partit Nazzjonalista kien qal li mhux lest li jkun parti minnu.
Min-naħa tiegħu Ryan Callus qal li dak iż-żmien l-Oppożizzjoni kienet ħadet dik id-deċiżjoni għax il-bord kien imexxi minn Kastilja. Dan hekk kif il-Gvern kien innomina tmien membri minn disgħa.
Saħaq li l-Oppożizzjoni se tagħmel dan il-pass b’id ta’ ħbiberija mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius hekk kif issa d-dekasteru tal-Artijiet ma għadux jaqa’ direttament taħt Kastilja.
Callus qal li l-Gvern għandu jitgħallem mill-esperjenzi tal-leġiżlatura preċedenti u saħaq li l-karigi tal-avukat, l-awditur u l-perit fil-Bord għandhom jinħatru mill-Kamra tal-Avukati, mill-Kamra tal-Periti u mill-Institution of Accountants. Tenna li f’ġieħ it-trasparenza jittama li l-Gvern jilqa’ dan is-suġġeriment.