Free Vote: Botta u risposta bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni

Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni tinsab maqsuma fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja dwar il-100 siegħa leave lill-koppji li jgħaddu minn proċess tal-IVF.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li huma dawk li vvutaw kontra l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li kienu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Fearne sostna li kieku għaddiet il-mozzjoni tal-bieraħ, kienet tikkastiga mara li qed tfittex trattament infertili, sempliċiment għax tħobb mara oħra u mhux għax tħobb raġel.
Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li dan hu punt li mhux biss għaqqad lill-PL iżda fired il-PN.  Stqarr li għall-kuntrarju ta’ dak li wiegħed, Adrian Delia lbieraħ ma tax free vote.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qal lil Delia għandu problemi kbar fil-Grupp Parlamentari tiegħu. 
"Joseph Muscat mhux se jagħti free vote" – PN
F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq li Joseph Muscat mhux se jkun qed jagħti free vote fuq il-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni.
Fi stqarrija, il-PN qal li dan intwera bl-aktar mod ċar bil-vot tal-bieraħ. Irrimarka li Adrian Delia diġà ddikjara li se jkun qed jagħti free vote lid-deputati Nazzjonalisti. 
Il-PN sostna li dak li għamel Joseph Muscat bl-avviż legali dwar l-IVF, kien li rabat idejn id-deputati Laburisti, biex ma jkunux fil-libertà li jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom, meta jemenda l-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni. Jispjega kif Joseph Muscat għażel li jressaq l-Avviż Legali minflok ma emenda l-liġi. 
Fisser li kien għalhekk, li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li ressqet il-mozzjoni li ġiet diskussa lbieraħ, sabiex id-deputati Nazzjonalisti jibqgħu fil-libertà li jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom meta tiġi emendata l-liġi għall-protezzjoni tal-embrijun. 
"Jekk Joseph Muscat irid ibiddel il-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni għandu jagħmel dan billi jressaq emenda fil-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni," żied jgħid il-Partit Nazzjonalista.