L-Oppożizzjoni ma jaqblux bejniethom dwar il-valur reali tal-pakkett finanzjarju – PM

Robert Abela
DOI: Jeremy Wonnacott

Il-Prim Ministru Robert Abela akkuża lill-membri tal-Oppożizzjoni li mhux qed ikunu korretti dwar il-valur reali tal-pakkett finanzjarju li ngħatat Malta fil-baġit Ewropew. Meta kien qed jindirizza l-parlament il-Prim Ministru poġġa fuq il-medja tal-kamra tar-rappreżentanti l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li fih intlaħaq ftehim dwar il-baġit tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin.

Abela qal li lanqas l-istess membri tal-Oppożizzjoni ma jaqblu bejniethom dwar il-valur nett tal-baġit. Abela stqarr li waqt li l-paraguni huma odjuzi, il-klima ekonomika li fiha ġie nnegozjat dan il-ftehim kienet ferm differenti minn dik tal-2013 meta l-Gvern Nazzjonalista kien nnegozja l-aħħar ftehim. Hu stqarr li l-valur nett huwa ta’ €1.35 biljun.

Ftit qabel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Malta qed tikkontribwixxi d-doppju għal dak li kienet tikkontribwxxi qabel u għalhekk Malta baqgħet fis-sitwazzjoni li kienet fil-pakkett preċedenti. L-ewwel parti hi allokazzjoni għall-Ewropa kollha u għalhekk meta jitnaqqas dak li qed jidħol u joħroġ jibqa’ madwar €600 miljun ewro.

Il-Prim Minsitru qal li dan il-pakkett hu aktar sinifikanti meta wieħed iqis il-fatt li l-Unjoni tilfet it-tieni l-akbar kontributur lejn il-Baġit Ewropew. Hawn kien qed jirreferi għar-Renju Unit li t-tluq tiegħu mill-UE se jwassal għal telf ta’ madwar 75 biljun ewro mill-Baġit tal-Unjoni Ewropea. Aktar minn hekk,  Malta għamlet avvanzi ekonomiċi kbar u għandha fost l-aktar rati ta’ qgħad baxxi. Huwa qal li fl-UE mhux biss tirċievi iżda tħallas wkoll. Abela saħaq li l-kont ma tistax tinnegozjah għax dak marbut mal-livell ta’ żvilupp tal-istati membri.

Il-Prim Ministru stqarr li l-allokazzjoni ta’ fondi għall-gżejjer Maltin tlaħħaq is-somma ta’ aktar minn żewġ biljun ewro (€2.25 biljun). Huwa qal li din is-somma hi madwar biljun ewro aktar minn dik li ġiet negozjata fi Frar tal-2013. Jiġifieri aktar mid-doppju tal-allokazzjoni li kellha Malta fil-perjodu 2014-2020 li issa wasal biex jintemm. Abela qal li Malta se tieħu €327 miljun f’forma ta’ għotjiet mill-fond ta’ Irkupru minħabba l-impatt soċjo-ekonomiku li ħalliet il-pandemija globali COVID.

Delia qal li s-saltna tad-dritt ma tinxtarax bil-flus għaliex l-ebda allokazzjoni ma tista’ tagħti l-konfort li fil-pajjiż hawn is-saltna tad-dritt. Saħaq li l-avvenimenti traġiċi ta’ ftit sigħat ilu jinftiehmu min-nies bħala affarijiet inkwetanti dwar f’hiex wasalet Malta.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech kien argumenta li l-valur nett tal-baġit kien ta’ €600 miljun meta tnaqqasw il-baġit tal-EASO u allura fl-istess valur tal-baġit ta’ Gvern Nazzjonalista meta wieħed iqis id-diffirezna fil-valur tal-flus ta’ għaxar snin ilu.

Fl-istess mod, id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo argumenta li Malta trid toħroġ għall-baġit tal-UE iżejd minn €1.2 biljun. Għalhekk meta fl-2013 Malta tat €500 miljun u issa se tagħti d-doppju, b’kollox il-benefiċċju hu ta’ €600 – daqs l-2013.