L-Oppożizzjoni inkonsistenti; il-Gvern qed jirnexxi f’xogħlu – PM

Joseph Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kkritika d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li tirtira r-rappreżentanti tagħha minn fuq il-bordijiet tal- Awtorità tal-Ippjanaru l-Awtorità tal-Artijiet.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux idea ta’ xi tfisser konsistenza meta tiġi biex titkellem dwar l-istituzzjonijiet. Il-Prim Ministru, f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio qal li l-Oppożizzjoni tbiddel l-pożizzjoni tagħha kull ġimgħa.

“Għandna oppożizzjoni li l-ewwel tgħid li l-istituzzjonijiet huma hijacked mill-gvern imbagħad tirrinunzja r-rappreżentanza tagħha mill-istess istituzzjonijiet biex iżżomm il-gvern responsabbli u bi trasparenza,” qal il-Prim Ministru.

“Ġimagħtejn wara jibdlu l-pożizzjoni,” qal Joseph Muscat li nnota kif il-ġustifikazzjoni din id-darba kienet deċiżjoni li ttieħdet xhur ilu.

Huwa qali dwar il-Qrati, l-PN hu inkonsistenti wkoll. “L-ewwel tikkritika l-qrati meta ma tiddeċidiex favurihom u tfaħħarhom meta tiddeċiedi favuriha,” żied il-Prim Ministru li tenna kif il-gvern se jibqa’ għaddej bir-riformi.

Huwa qal li dan hu l-inqas gvern li għandu setgħa fuq l-istituzzjonijiet.

Dwar it-tbassir ekonomiku għall-Ħarifa maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, Joseph Muscat innota kif dan qed jgħid li għas-sentejn li ġejjin, Malta se jkollha t-tieni l-ikbar tkabbir fl-Unjoni Ewropea. 

“Hija l-Kummissjoni Ewropea li qed tgħid li l-pjan ekonomiku ta’ dan il-gvern qiegħed jirnexxi billi noħolqu iktar xogħol, ikun jista’ jħallas iktar, li n-nies ikun jista’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, li neqirdu għal kollox il-faqar, li nżidu l-pensjonijiet u nżidu s-servizzi soċjali,” spjega Muscat.

Fost oħrajn tkellem dwar il-bżonn li tkun indirizzata l-isfida bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel. “Fis-servizz pubbliku għandna sitwazzjoni prattikament ta’ ugwaljanza, irridu naraw x’inhuma s-sitwazzjonijiet f’setturi oħra li mhux iwasslu għall-ugwaljanza,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru irrefera għal ftehimiet ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea f’każi ta’ immigrazzjoni u żied li l-gvern Malti dejjem josserva l-obbligi internazzjonali tiegħu. “Din il-ġimgħa stess kellna t-tluq ta’ tliet gruppi ta’ immigranti li telqu lejn tliet pajjiżi differenti,” qal Joseph Muscat.