“L-oppożizzjoni għall-proġett tad-db f’Pembroke għandha tiġi rispettata”

Read in English.

Ir-residenti ta’ Pembroke, bl-appoġġ ta’ tliet kunsilli lokali u 10 organizzazzjonijiet, laqgħu l-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela, li l-Gvern irid isib bilanċ bejn is-salvagwardja tal-ambjent u l-industrija tal-kostruzzjoni.

Din l-istqarrija nħarġet mill-kunsilli lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi, flimkien mal- Archaeological Society of Malta, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Żminijietna, b’rabta mal-proġett tal-Grupp db f’Pembroke.

Ir-residenti qalu li skont ma qal il-Gvern, huwa għażel li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u ta’ dawk li jmorru Pembroke u fil-madwar.

Il-proġett tal-grupp db fis-sit fejn kien hemm l-ITS f’Pembroke kellu l-ogħla numru ta’ oġġezzjonijiet uffiċjali. 5,000 persuna oġġezzjonat għall-ewwel applikazzjoni u 6,000 persuna oġġezzjonat għat-tieni proposta wara li l-qrati rrevokaw il-permess li jibda l-bini.

Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke kemm-il darba oġġezzjona u tkellem kontra l-proġett f’isem il-komunità li jirrappreżenta.

Fl-istqarrija maħruġa lbieraħ, il-kunsilli u l-NGOs qalu li jaqblu kompletament mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-President tagħha Mario Fava li l-proġett jagħmel dannu irreparabbli lill-kwalità tal-ħajja fiż-żona.

Ir-residenti qalu, “Inutli jkollna proġett li jgħid li se jiġġenera l-attività ekonomika meta nafu li se jħarbat il-ħajja tan-nies minflok joħloq il-ġid. Dan ċertament mhux eżempju ta’ proġett li jrid isib bilanċ bejn l-ambjent naturali, l-inħawi fejn jgħixu n-nies u l-industrija tal-bini.”

Qablu mal-Assoċjazzjoni wkoll li meta dan il-proġett jerġa’ jiġi diskuss mill-Awtorità tal-Ippjanar, apparti l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, għandhom ikunu inklużi fuq il-Bord tal-Ippjanar il-kunsilli lokali ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi.

Żiedu jgħidu li ż-żona ta’ Pembroke ilha tbati bil-problema tat-traffiku għal numru ta’ snin u l-proġett imsemmi, flimkien ma’ proġetti oħra mhux sostenibbli fiż-żona, se jiggravaw is-sitwazzjoni billi joħolqu t-tniġġis fl-arja. Huma jaqblu mal-pjan li tinbena mina taħt Triq Sant’Andrija li kienet parti mill-proġett TEN-T.

Min-naħa l-oħra, jemmnu li “dak li qiegħda tipproponi Infrastructure Malta llum jeħtieġ jiġi mmodifikat sostanzjalment sabiex jaġevola aktar lir-residenti, u anqas lill-kumpless tal-Corinthia u lil DB Group u t-torrijiet li jridu jibnu, li jekk jiġu approvati se jkabbru sew il-problemi ambjentali, a spejjeż tal-poplu li għalih mhux biss ser iħallas b’saħħtu, imma anke b’butu. “

Huma qegħdin jappellaw lill-Prim Ministru biex jibqa’ jagħti prijorità lill-ġid komuni u lill-kwalità tal-ħajja.