L-oppożizzjoni għall-abort mhix limitata għall-Kattoliċi biss

abortion poster

L-Arċisqof Kattoliku Eamon Martin ta’ Armagh fl-Irlanda, f’messaġġ pastorali tkellem kontra l-bidliet leġiżlattivi li qed jipproponi l-Gvern Irlandiż li fi kliemu qed jheddu li jdaħħlu l-abort b’mod liberali ħafna.
Hu wissa li dan il-bdil fil-liġi se jdaħħal l-abort bla ebda limiti, fl-ewwel tliet xhur wara l-konċepiment.  Hu qal li nies ta’ reliġjonijiet oħra li mhumiex kattoliċi wkoll jagħtu valur lil kull ħajja umana.
L-Arċisqof Martin enfasizza li l-abort mhix kwistjoni ta’ deċiżjoni personali tal-individwi u daqshekk. Sal-lum Artiklu 8 tal-Kostituzzjoni Irlandiża jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf. Jekk dan l-artiklu jitneħħa, it-trabi mhux imwielda ma jibqgħalhom ebda dritt kostituzzjonali.
Min-naħa l-oħra f’dawn il-jiem sar rally f’Dublin fejn il-poplu kien imħeġġeġ jivvota “Iva” fir-referendum li jkun ifisser li jitneħħa l-artiklu kostituzzjonali li jipproteġi lit-trabi mhux imwielda.
Ailbhe Smyth, kordinatriċi tal-kampanja favur l-“Iva” qalet li mhux aċċettabbli li n-nisa Irlandiżi jkollhom isiefru lejn pajjiżi oħra biex jagħmlu abort jew jixtru pilloli abortivi u “jkollhom aċċess għal kura li messu għandhom f’pajjiżhom stess.”
L-istazzjon televiżiv RTE rrapporta li grupp li qed isejjaħ lilu nnifsu Il-Vuċi tan-Nies b’Diżabilità għall-Ħajja qed jappella biex in-nies jivvutaw “Le” biex l-Irlanda tibqa’ taċċetta li nies b’diżabilità bħalma huma d-Down Syndrome jkollhom dritt għall-ħajja daqs persuni oħra.