L-oppożizzjoni fit-Turkija trid li r-riżultat tar-referendum jiġi annullat

Id-Deputat Kap tal-partit sekularist ewlieni fit-Turkija, il-Partit Repubblikan u tal-Poplu (CHP), talab sabiex ir-riżultat tar-referendum ta’ lbieraħ jiġi annullat, u saħaq li lest jieħu dan it-tħassib tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani.
Dan it-tħassib serju ġej minn fatti li l-mexxej d-deputat kap tas-CHP qed jallega li ġraw, fosthom persuni minn bosta reġjuni li ma tħallewx jivvutaw f’ambjent privat, kif ukoll kien hemm voti li ngħaddew fil-magħluq.
Barra minn hekk, sostna li d-deċiżjoni tal-Bord Elettorali Għoli (YSK) li anki voti mhux ittimbrati mill-awtoritajiet setgħu jintefgħu fil-kaxex u xorta waħda jkunu validi, tmur kontra l-liġi.
Huwa qal lill-midja li bħalissa m’għandux ċifri f’idejh ta’ kemm voti bħal dawn twaddbu fil-kaxex, jew inkella ġewx ittimbrati wara li twaddbu. Għalhekk, enfasizza, l-uniku mod kif tittajjar din l-inċertezza hi li jiġi annullat ir-riżultat.
Jekk ir-rispons li jirċievi mingħand l-awtoritajiet muniċipali u l-YSK ma jkunu biżżejjed, id-deputat kap qal li l-appell jittella’ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Torka, il-Qorti ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u anki awtoritajiet tal-istess toqol tagħhom.