L-Oppożizzjoni fil-Kambodja tilmenta li d-demokrazija mietet

Il-Kambodja tinsab fil-bidu ta’ kapitlu ieħor ta’ ħakma mill-Prim Ministru Hun Sen li l-kredenzjali demokratiċi tiegħu qed ikunu mistħarrġa ġurnata wara li l-Partit tal-Poplu tal-Kambodja (CPP) iddikjara rebħa f’elezzjoni ġenerali li gruppi għad-drittijiet tal-bniedem qalu li la kienet ħielsa u lanqas ġusta.

Il-White House qalet li se tikkunsidra passi inkluż l-espansjoni ta’ restrizzjonijiet tal-viża imposti fuq membri tal-gvern tal-Kambodja bi tweġiba għal “elezzjonijiet foloz” fejn ma kien hemm l-ebda persuna sinifikanti li sfidat lil Hun Sen.

Kelliem għas-CCP Sok Eysan qal li l-partit rebaħ madwar 100 siġġu parlamentari minn 125 siġġu. L-aġenzija tal-aħbarijiet DAP, website favur il-gvern, qalet aktar tard li s-CPP rebaħ 114 siġġu. Żewġ partiti oħrajn, il-partit irjali Funcinpec u l-Lega għall-Partit Demokratiku rebħu ħames u sitt siġġijiet rispettivament.