L-Oppożizzjoni favur reviżjoni dwar il-pompi tal-petrol

L-Oppożizzjoni irrimarkat li hi favur li ssir reviżjoni tal-Politika dwar il-Pompi tal-Petrol u temmen li l-policy eżistenti tagħti lok għall-abbuż u qed twassal biex tinqered art verġni barra miż-żona tal-iżvilupp.
Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Ambjent Karol Aquilina u l-Kelliem għall-Artijiet u l-Ippjanar Ryan Callus, saħqu li l-Oppożizzjoni hi favur ir-rilokazzjoni ta’ pompi tal-petrol li jinsabu fil-qalba tal-irħula u l-ibliet u li fi kliemhom qed jikkawżaw inkonvenjent u perikli kbar għar-residenti.
Sostnew li b’effett immedjat għandu jitħejja studju li permezz tiegħu jiġi stabbilit in-numru ta' pompi ta’ petrol li hawn bżonn, kif ukoll dwar l-istat u s-sit fejn jinsabu dawk eżistenti.
L-Oppożizzjoni stqarret li t-tfassil tal-istudju u r-reviżjoni tal-policy għandhom jinkludu proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, inkluż mal-operaturi fis-settur, mal-Kunsilli Lokali u mal-għaqdiet ambjentali.