L-Oppożizzjoni f’laqgħat f’New York dwar l-immigrazzjoni f’Malta

Fi New York, l-immigrazzjoni f’Malta kienet it-tema ta’ żewġ laqgħat tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mal-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar il-Migrazzjoni u mal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Iżvilupp. 
Simon Busuttil tkellem dwar il-proġett li permezz tiegħu l-Istati Uniti qed tieħu mal-500 immigrant minn Malta, u fisser kif s’issa, l-Istati Uniti ħadet mal-2,000 refuġjat li waslu Malta.
Busuttil appella lill-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar il-Migrazzjoni biex tkompli tappoġġja lill-Istati Uniti f’din il-ħidma, u biex tappoġġja lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex huma wkoll jgħinu f'dan il-proġett. 
Fit-tieni laqgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddiskuta s-sitwazzjoni fil-Libja, fis-Sirja u fl-Iraq. Tenna l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista għall-isforzi internazzjonali li qed isiru biex jitrażżan il-grupp tal-estremisti tal-Istat Iżlamiku.