“L-Oppożizzjoni eskluża mid-diskussjonijiet fuq l-Air Malta” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern qatt ma inkluda lill-Oppożizzjoni fid-diskussjonijiet fuq ir-ristrutturar tal-Air Malta.

Waqt laqgħa mal-ALPA, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-bdoti, Delia sostna li l-linja nazzjonali tal-ajru hija għal qalb il-Partit Nazzjonalista, u għalhekk, l-Oppożizzjoni qed timxi b’kawtela kbira f’dak li qed jiġri bid-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu.

Stqarr, iżda, li l-Oppożizzjoni mhijiex kuntenta bil-mod kif qed isir ir-ristrutturar. Dan wara li 69 bdot tilfu xogħolhom mal-linja tal-ajru, meta t-taħditiet kienu għadhom għaddejjin. F’kumment li taw lil Newsbook.com.mt, il-bdoti qalu li nħasdu li ttieħdet id-deċiżjoni ħabta u sabta meta kienu għadhom qegħdin jiddiskutu mal-linja tal-ajru u mal-Gvern.

Adrian Delia qal li l-Gvern mhux qed jagħti l-informazzjoni dwar il-pjan li għandu u d-deċiżjonijiet li qegħdin jitteħdu fir-rigward tar-ristrutturar fl-Air Malta u li l-informazzjoni qiegħda toħroġ minn dak li qed jiġi rrappurtat fil-midja. Huwa qal li l-Gvern qatt ma involva lill-Oppożizzjoni biex issir diskussjoni serja qabel ittieħdu d-deċiżjonijiet.

Matul din il-laqgħa ntqal ukoll li b’din id-deċiżjoni u bl-ammont ta’ bdoti li fadal, l-Air Malta m’għandhiex biex topera t-titjiriet kollha wara l-ftuħ tal-ajruport. Dan se jiftaħ fl-1 ta’ Lulju.

Wara li ttieħdet din id-deċiżjoni min-naħa tal-Gvern, l-ALPA fetħet protest ġudizzjarju fil-konfront tal-linja tal-ajru.

Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina u l-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) Ivan Castillo.