L-Oppożizzjoni bi tħassib dwar il-vot tal-Ministru kontra l-ERA

Luke Zerafa

Read in English.

L-Oppożizzjoni wriet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li l-Ministru għall-Ambjent José Herrera vvota kontra l-pożizzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dwar żvilupp f’Ħad-Dingli.

Fi stqarrija ffirmata mill-Membru Parlamentari Jason Azzopardi, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Oppożizzjoni qalet li l-Ministru li huwa responsabbli mill-ERA fil-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Ippjanar ivvota kontra l-pożizzjoni tagħha fil-Partial Local Plan Review of the North West Local Plan, favur iktar żvilupp f’Ħad-Dingli (f’Ta’ Kalċ).

Dan sar, skont l-Oppożizzjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet tagħha, tal-għaqdiet ambjentali, u anke tal-ERA stess. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni kkundannat dan l-aġir tal-Ministru li jimmina l-awtorità tal-ERA.