L-Oppożizzjoni b’emendi dwar il-liġi tal-qbiela

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li titneħħa r-restrizzjoni li art li magħha hemm bini, ma tistax tiġi trasferita, f’numru ta’ proposti u mozzjoni li tresqet mill-istess partit quddiem il-Parlament. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet proposti biex tiġi emendata l-liġi dwar il-qbiela.

F’konferenza tal-aħbarijiet tkellmu d-deputati tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Marthese Portelli u l-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Biedja Edwin Vassallo. Il-Partit Nazzjonalista qal li dawn il-proposti huma marbuta ma’ avviż legali li fil-fehma tal-Partit se jinħolqu diffikultajiet serji u ġodda għat-trasferiment ta’ qbiela minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-PN saħaq li l-Gvern se jkun qed jinċentiva l-ispekulazzjoni tal-art li sal-lum għadha tinħadem. Kompla jgħid li dawn ir-regolamenti se jwasslu biex il-Gvern jieħu lura r-raba f’idu biex jagħtiha lil min irid hu.

Fil-mozzjoni mressqa quddiem il-parlament, l-Oppożizzjoni qed titlob li

  1. Titneħħa r-restrizzjoni li art, li magħha hemm bini, ma tistax tiġi trasferita.
  2. Jiżdied l-aħwa tal-kerrej u n-neputijiet tal-kerrej fil-lista ta’ persuni li favur tagħhom tista’ tiġi trasferita jew tintiret il-qbiela.
  3. Jitneħħa l-obbligu li bidwi bona fede jkun reġistrat bħala full-time jew part-time biex raba tkun tista’ tiġi trasferita f’ismu jekk ma jkunx qarib tal-kerrej. Se jibqa’ l-obbligu li bidwi jkun reġistrat mad-Direttur tal-Agrikoltura.
  4. Persuni li temmmew studji fl-agrikoltura fl-aħħar 10 snin (minflok 5 snin) ikunu jistgħu jingħataw raba’ b’rata preferenzjali ta’ kera għal 10 snin (minflok 5 snin).
  5. Kull applikant jingħata d-dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità taħt ir-Regolamenti.

Il-Partit spjega li dawn l-emendi qed jitressqu biex ikun żgurat li art agrikola tingħata biss lil min ġenwinament irid jaħdem ir-raba’ għal skopijiet ta’ agrikoltura. Spjega kif kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni interna kif ukoll saret konsultazzjoni mal-bdiewa.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Infrasttura Toni Bezzina u Kelliem tal-Oppożizzjoni u dwar iż-Żgħażagħ Ryan Callus.

Partit Nazzjonalista

‘L-Oppożizzjoni għarfet l-isfida tat-trasferiment tal-art agrikola’ – Ministeru

F’reazzjoni għall-konferenza li saret mill-Oppożizzjoni, il-Ministeru għall-Ambjent fi stqarrija qal li l-Oppożizzjoni għamlet ammissjoni ċara u għarfet l-isfida tat-trasferiment tal-art agrikola li ilha ġejja għal diversi snin.

Kompla jgħid li dan jikkonferma li l-pass li ttieħed mill-Gvern kienet deċiżjoni importanti għa-settur. Il-Gvern saħaq kif il-liġi dwar it-trasferiment tal-qbiela hi waħda mill-miżuri tal-istrateġija nazzjonali agrikola. Il-Ministeru temm jgħid li jħares sabiex din il-liġi tiġi diskussa fil-Parlement.