L-Oppożizzjoni b’mozzjoni fil-Parlament biex il-Ministru jippubblika r-riżultat ta’ żewġ inkjesti

L-Oppożizzjoni dalgħodu ppreżentat fil-Parlament Mozzjoni biex il-Kamra titlob lill-Ministru tal-Intern Manuel Mallia jippubblika r-riżultat ta’ żewġ inkjesti li saru b’rabta mal-Pulizija.
Inkjesta minnhom hi dwar il-prosekuzzjoni bi żball ta’ persuna innoċenti minflok oħra fuq hold-up, u l-oħra hi dwar l-irtirar ta’ proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna li allegatament ħebbet għal uffiċjali tal-Pulizija f’għassa.
Il-mozzjoni tressqet mill-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Jason Azzopardi.
L-Oppożizzjoni qalet li ż-żewġ inkjesti kellhom jiġu ppubblikati imma għaddew ix-xhur, f’każ minnhom iktar minn sena, u baqgħu mistura.
L-Oppożizzjoni trid lill-Parlament jiċċensura l-aġir ta’ ħabi tal-Ministru Mallia, tordna lill-Ministru jippubblika immedjatament ir-riżultat tal-inkjesti interni, u jiddikjara li l-poplu Malti għandu dritt li t-tmexxija tal-Ministeru tkun waħda nadifa u miftuħa. 
It-test sħiħ tal-mozzjoni tista' taqrah fil-link.

Reazzjoni Gvern
Il-Gvern qal fi stqarrija li jinsab impenjat li jippubblika l-inkjesti, b’differenza ta’ dak li kien iseħħ fl-amministrazzjoni preċedenti.
Dan kien digà ddikjarat f’diversi okkażjonijiet mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia.