L-Oppożizzjoni b’mozzjoni dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat mozzjoni lid-Deputat Speaker tal-Kamra biex il-Parlament jiddiskuti għaliex il-Gvern għadu ma raħħasx il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel
Il-Kelliema għall-Enerġija Marthese Portelli qalet li mqabbel mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-poplu Malti qed iħallas fost l-għola prezzijiet tad-diesel u petrol. 
Saħqet li għalkemm naqas il-prezz internazzjonali ta’ kull barmil żejt, il-konsumatur Malti għadu mhux qed jara bidla fil-prezzijiet. 
Irrimarkat li bejn Ġunju u Diċembru 2013, il-prezz taż-żejt naqas minn $100 kull barmil għal $44 kull wieħed. 
Fil-pajjiżi l-oħra Ewropej, litru diesel u petrol niżel għal inqas minn €1 waqt li f’Malta, litru petrol jiswa €1.42ċ waqt li l-diesel hu €1.35ċ. 
Portelli sostniet li sakemm il-Gvern ma jpoġġix fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim dwar iż-żejt, l-Oppożizzjoni ma tistax tikkonferma jekk il-hedging hux ir-raġuni għall-prezzijiet għolja taż-żejt. 
Għalhekk, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet b’tali mod li jirrfilettu r-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt.