L-Oppożizzjoni anke l-Magħtab qed tippolitiċizza – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa sorpriż bl-atitudni tal-Oppożizzjoni li wara qabdu n-nirien fil-Magħtab, hija ppruvat tippolitiċizza kollox. Huwa qal li meta l-Oppożizzjoni kienet mistiedna biex tagħti sehemha dwar il-kwistjoni tal-iskart u l-kwistjoni tal-waste to energy f’pajjiżna, kienu għażlu li ma jipparteċipawx.

Huwa qal ukoll kif ftit jiem qabel dan l-inċident, kien imħabbar li kull dar f’Malta se tingħata kontenitur biex tkun tista’ tissepara l-iskart aħjar u b’hekk il-proċess tal-ġbir u separar ta’ skart ikun aktar rigoruż. Muscat qal li fiż-żmien li ġej se jkun qed jiġi mniedi proġett ieħor, fejn il-fliexken tal-plastik se jkunu jistgħu jiġu ritornati ġo magni apposta u ta’ dan wieħed se jibda jingħata l-flus lura.

Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni, Muscat qal li s-sitwazzjoni qiegħda dejjem tiżviluppa speċjalment fil-Libja. Huwa qal li hemm kriżijiet li qed iseħħu l-ħin kollu. Skont Muscat, ilbieraħ kien hemm każ li persuni telqu mill-Libja, iżda ġew immaniġjati permezz tal-coast guard Libjana, tal-Forzi Taljani u l-Forzi Ewropej u b’hekk dawn ma daħlux Malta. Il-Prim Ministru fakkar kif din il-ġimgħa komplew jitilqu aktar immigranti li kienu fuq iż-żewġ bastimenti Lifeline u Aquarius, din id-darba lejn Franza.

Huwa qal li l-Gvern irnexxielu jnaqqas id-dejn tal-pajjiż u b’hekk is-surplus qed jitqassam lin-nies biex b’hekk il-persuni fuq benefiċċji soċjali irnexxielhom jonqsu bi 43%. Muscat qal li fil-budget li ġej ta’ ftit ġimgħat oħra, il-pjan hu li l-poplu jurih kif il-ġid qed jitqassam lin-nies.