L-OPM taħt Muscat mar kontra l-etika meta ma stidinx lil Newsbook – Hyzler

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ikkonkluda li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mar kontra l-etika meta stieden lill-kmamar tal-aħbarijiet għal konferenza stampa mogħtija mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda ma stidinx lil din il-kamra tal-aħbarijiet.

Hyzler wettaq dan ir-rapport wara lment mibgħut mill-Editor in Chief ta’ Newsbook.com.mt Sylvana Debono meta Newsbook ma rċeviex stedina għall-konferenza stampa tat-22 ta’ Novembru, 2019. F’din il-konferenza fil-Berġa ta’ Kastilja, Muscat ta xi aġġornamenti b’rabta mal-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’dik li kienet waħda mill-iżjed ġimgħat intensivi fl-investigazzjoni.

Ir-rapport ta’ Hyzler jgħid li r-raġuni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-OPM kienet li l-avveniment ġie organizzat fi żmien qasir ħafna. Il-Kummissarju ikkonkluda, iżda, li ġaladarba kien il-Prim Ministru li bagħat għall-midja, huwa kien obbligat jibgħat għall-kmamar kollha tal-aħbarijiet. “Dan seta’ jsir bl-email f’temp ta’ ftit minuti,” qal Hyzler.

Skontu, dan l-obbligu ma jxekkilx id-dritt ta’ ministru li jaċċetta talba għal intervista jew jieħu sehem f’avveniment organizzat minn kamra tal-aħbarijiet partikolari. Għalhekk il-Kummissarju laqa’ l-ilment. Huwa rrefera għal rapport li huwa kien ħareġ fl-4 ta’ Frar 2019, li fih diġà kien indirizza kwistjoni simili.

Madankollu, il-Kummissarju ma ħassx il-bżonn li jirrakkomanda xi azzjoni bħala rimedju, peress li Joseph Muscat irriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar 2020.

Dan l-aġir tal-PM kien ġie kkundannat ukoll mill-Istitut tal-Ġurnalisti.