L-OPM bla dettalji tal-laqgħat ta’ Yorgen Fenech f’Kastilja

Read in English.

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma żamm l-ebda dettalji dwar x’intqal jew x’ġie diskuss fil-laqgħat li Yorgen Fenech għamel f’Kastilja.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li mit-tweġiba li ngħatat għal talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, il-Gvern qal li ma kellux aktar informazzjoni x’jgħaddi ħlief dak li diġà ntqal f’talba oħra li saret f’April. Dakinhar kien sar magħruf li Yorgen fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black li bħalissa qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellu 26 laqgħa f’Kastilja bejn is-16 ta’ Ottubru tal-2013 u l-24 ta’ Marzu tal-2017.

It-tweġiba riċenti li l-OPM ta lil Matthew Caruana Galizia ma kienet tinkludi l-ebda informazzjoni dwar il-laqgħat li Fenech kellu ma’ Joseph Muscat matul il-mandat tiegħu bħala Prim Ministru, u lanqas informazzjoni dwar il-laqgħat li Fenech kellu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru wara l-24 ta’ Marzu 2017.

Is-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar li huwa responsabbli għat-talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni fl-OPM qal li “l-ebda informazzjoni addizzjonali mhi disponibbli f’din l-Awtorità Pubblika, minbarra dik li diġà ġiet ippubblikata fit-tweġiba oriġinali.”

Bi tweġiba għal talbiet separati għall-aġenda u l-minuti tal-laqgħat li Fenech kellu ma’ uffiċjali u membri fl-OPM, u l-ismijiet ta’ kull individwu ieħor li kien preżenti fi kwalunkwe punt waqt dawk il-laqgħat, is-Segretarju Permanenti Prinċipali wieġeb “Din l-Awtorità Pubblika ma żżommx id-dokumenti mitluba.”