L-opinjoni taż-żgħażagħ fuq l-immigrazzjoni, l-ambjent u kwistjonijiet bioetiċi fl-2016

Newsbook.com.mt tkellem ma’ erba’ żgħażagħ dwar l-ambjent u kwistjonijiet bioetiċi.
Iż-żgħażagħ li tkellem magħhom Newsbook.com.mt huma l-avukat Dr Ramon Bonett Sladden, Ingram Bondin, li qed jistudja għal dottorat fil-matematika, Brendan Zerafa u Michael Piccinino, it-tnejn studenti tal-Liġi.
L-immigrazzjoni
Dwar l-immigrazzjoni, l-erba’ żgħażagħ qablu li fl-2015 bdew jiċċaqalqu l-affarijiet, iżda mhux kollha qablu dwar x’għandu jsir biex tkun indirizzata din il-problema.
Ingram qal li hemm affarijiet oħra li jridu jiġu indirizzati u saqsa għalfejn dawn il-popli minn fejn jitilqu l-immigranti ma jgawdux mill-ġid kbir ta’ riżorsi ta’ pajjiżhom u għalfejn ma jitwaqqafx il-kummerċ fl-armi. Qal li ħafna drabi l-kumpaniji tal-Punent stess jagħmlu l-qliegħ minn dawn.
Ramon u Michael qalu li kull pajjiż ġenwinament irid jerfa’ r-responsabbiltà u saħqu li importanti li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jingħaqdu u jkun hemm iktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi. Saħqu li b’hekk l-UE tkun tista’ tingħaqad fid-diversità.
Brendan jittama li fl-2016 jinbidlu r-regoli tat-trattat ta’ Dublin, li jgħidu li l-immigrant irid japplika għal stat ta’ refuġjat fil-pajjiż li jidħol fih l-ewwel. Sostna li hemm bżonn li t-Triton jingħata iktar saħħa finanzjarja u loġistika.
L-ambjent
Ingram qal li l-ambjent qed jingħata l-inqas priorità mill-Gvern u li “Għall-Gvern l-ambjent hu sempliċiment riżors li wieħed għandu jisfrutta għall-akbar gwadann u ebda ħsieb m’għandu jingħata għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Ramon sostna li l-ambjent, kemm fis-sens ta’ ambjent naturali, biodiversità u wirt arkitettoniku, huwa patrimonju Malti. Qal li jispera li l-ħsara li saret u li tista’ ssir ma tiggravax sabiex tkun tista’ titgawda s-sbuħija ta’ Malta.
Brendan jemmen li hemm bżonn bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent u jaħseb li sfortunatament Malta hi limitata fl-azzjoni favur l-ambjent li tista’ tieħu, għax l-art hija ftit u l-popolazzjoni hi ħafna. Dwar il-proġett taż-Żonqor, iħoss li hu “kompromess aċċettabbli.”
Michael qal li fl-aħħar sena l-affarijiet marru lura ħafna, fejn rajna lill-istat jagħti art enormi għall-bini illegali u l-MEPA tinqasam fi tnejn, u b’hekk l-element ambjentali ħa jkun inqas b’saħħtu. Qal li “It-triq li qbadna ħa nibqgu sejrin fiha jekk mhux immorru għall-agħar.”
Kwistjonijiet bioetiċi
Ingram jemmen li l-2016 ħa tkun is-sena fejn il-Gvern jipproponi tibdil fil-liġi biex tkun tista’ tiġi użata t-teknika tal-iffriżar tal-embrijuni waqt l-IVF, iżda ma jemminx li ħa jmur lil hinn minn dan billi pereżempju jipproponi surrogacy jew IVF għal koppji omosesswali.
Ramon qal li minflok kwistjonijiet bioetiċi, għandhom jissejħu kwistjonijiet li jolqtu b’mod fundamentali lid-dinjità tal-bniedem. Qal li l-bniedem m’għandux jispiċċa skjav tax-xjenza u din għandha dejjem tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Brendan ma jemminx li din is-sena se jkun hemm tibdil fil-liġi tal-abort, minkejja li d-diskussjoni kapaċi tkompli. Qal li “Din mhix kwistjoni ta’ partiti, u hemm ħafna żgħażagħ fiż-żewġ partiti li ma jiddejqux jistqarru li huma favur liġi liberali dwar l-abort.”
Michael jemmen li meta l-Gvern joħroġ il-white paper fuq l-iffriżar tal-embrijuni, din se tkun waħda mill-iktar kwistjonijiet li tqum kontroversja dwarha. Qal li probabilment din il-liġi tgħaddi peress li l-Prim Ministru diġa esprima ruħu fuqha.

Din hija t-tieni minn żewġ partijiet fejn se tingħata ħarsa lejn x’jemmnu ż-żgħażagħ dwar suġġetti varji.
Tista' tara x'kienet l-opinjoni ta' dawn iż-żgħażagħ dwar il-politika u t-terroriżmu fl-2016 hawn.