L-opinjoni taż-żgħażagħ fuq il-politika u t-terroriżmu fl-2016

Il-politika, it-terroriżmu, l-immigrazzjoni, l-ambjent u kwistjonijiet bioetiċi huma fost is-suġġetti li żgur se nisimgħu bihom fl-2016 u li xi darba jew oħra se jqajmu kontroversji u nuqqas ta’ qbil bejn partiti u gruppi differenti.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ erba’ żgħażagħ, li qasmu l-opinjoni personali tagħhom dwar dawn is-suġġetti u x’jaħsbu li huma l-affarijiet li għandhom ikunu ta’ priorità għall-pajjiż.
Dawn huma l-avukat Dr Ramon Bonett Sladden, Ingram Bondin, li qed jistudja għal dottorat fil-matematika, Brendan Zerafa u Michael Piccinino, it-tnejn studenti tal-Liġi.
Il-politika
Fuq il-politika kien hemm opinjonijiet kuntrastanti bejn l-erba’ żgħażagħ.
Ingram jemmen li "s-sena d-dieħla se naraw iktar amministrazzjoni ħazina u li hu ċar li f’Malta hemm forzi li taw kontribut lill-‘moviment’ ta’ Dr Joseph Muscat biex jieħdu vantaġġ ekonomiku personali mill-abbuż tal-poter politiku."
Ramon sostna li kulma jmur, il-poplu qed jafda inqas lill-politiċi u jfittex iktar il-ġenwinità u l-onestà. Jistenna li l-poplu se jżomm ruhu iktar infurmat dwar dak li għaddej.
Brendan saħaq li Dr Simon Busuttil iżjed qiegħed jimprovizza u jemmen li l-PN dar lejn ix-xellug għax hi neċessità għalih, minkejja li l-qalb tal-PN mhix vera hemm. Qal li għal min bħalu għandu għal qalbu x-xellug, din ma ddoqqlux.
Michael jaħseb li iktar ma jgħaddi żmien, "Dr Busuttil se jkompli jkabbar l-istatura tiegħu u b’hekk il-fiduċja fih se tibqa’ tiżdied. Muscat, iżda, irid joqgħod attent li jżomm mal-wegħdiet ta’ meritokrazija u akkontabilità."
It-terroriżmu
Hawn iż-żgħażagħ qablu li hemm bżonn ikun hemm iktar kooperazzjoni bejn is-servizzi sigrieti tal-pajjiżi billi, fost oħrajn, jaqsmu l-intelliġenza li għandhom ma’ xulxin u permezz ta’ intelliġenza iktar sofistikata.
Ingram jemmen li fl-2016 se naraw iktar kooperazzjoni bejn is-servizzi sigrieti u forsi saħansitra il-ħolqien ta’ servizz ta’ intelliġenza fuq bażi Ewropea. Qal li dan iġib miegħu l-periklu ta’ ħtif ta’ poteri mill-Gvern u ħolqien ta’ Stat ta’ emerġenza permanenti.
Ramon saħaq li "Il-livell ta’ terroriżmu li qed naraw illum hu ġdid u għaldaqstant kulħadd qiegħed fi stat ta’ paniku. Jemmen li kulma jmur, qed nitgħallmu kif inġibu ruħna quddiem it-terroriżmu."
Brendan qal li t-terroriżmu ngħata priorità anke fl-Amerka, fejn fl-2016 hemm l-elezzjonijiet presidenzjali. Saħaq li "Hemm bżonn li d-distakk bejn is-Servizzi ta’ Intelliġenza jiġi eliminat."
Min-naħa tiegħu, Michael qal li l-pajjiżi Ewropej iridu jiddiskutu u jiddeċiedu jekk problemi ta’ sigurtà ta’ dan it-tip għandhomx jiġu indirizzati fuq livell Ewropew jew dak nazzjonali.
(Din hija l-ewwel minn żewġ partijiet fejn se tingħata ħarsa lejn x’jemmnu ż-żgħażagħ dwar suġġetti varji.)