L-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku jitħabbar dalwaqt

Jinsabu għaddejjin l-aħħar verifiki mill-Bord tal-Aġġudikazzjoni fuq l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku f'Malta.
Kelliema għall-Ministeru tat-Trasport qalet ma' Newsbook.com.mt, li dawn il-verifiki jinsabu fi stadju avvanzat.
Hekk kif jinsab dan il-proċess importanti, il-Bord tal-Aġġudikazzjoni jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Ministeru għat-Trasport biex il-Gvern ikun f'pożizzjoni li jasal għad-deċiżjoni dwar liema operatur se jingħata l-kuntratt biex jopera s-servizz tat-trasport pubbliku f'Malta.
Il-Gvern kien beda l-proċess sabiex jintgħażel operatur ġdid b'sejħa ta' interess internazzjonali wara li l-kumpanija Arriva kienet ħabbret it-tmiem tal-operat tagħha f'Malta.
Fil-preżent, it-trasport pubbliku qed jitħaddem mill-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport li twaqqfet appost.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien żvela kif kienu bdew it-taħdidiet mal-kumpanija Spanjola, Autobuses Urbanos de Leon.
Dawn it-taħdidiet saru fi Spanja stess.
Apparti din il-kumpanija Spanjola tefgħu l-offerti tagħhom żewġ kumpaniji Maltin, Island Buses Malta u Gozo First, b'din tal-aħħar biex toffri s-servizz f'Għawdex. Fil-passat il-Ministru Joe Mizzi kien qal li mhux jeskludi li t-trasport pubbliku f’Malta jinqasam fi tnejn b’operatur f’Għawdex u ieħor f’Malta.

Ritratt: maltabuses.piwigo.com