Read in English.
96 persuna li sabu ruħhom f’diffikultà fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ Maltija ġew salvati mill-vapur tal-għaqda mhux governattiva Open Arms.
Il-preżenza tal-grupp, li telaq mill-Libja, ġiet irrapurtata mill-għaqda mhux governattiva Alarm Phone, li tħaddem linja telefonika għal min isib ruħu fid-diffikultà waqt li jkun qed jaqsam il-Mediterran. Il-grupp kien ċempel lill-Alarm Phone matul il-lejl.
Però Alarm Phone irrapurtat li għal darba oħra, l-awtoritajiet Maltin naqsu milli jirrispondu għat-talbiet għall-għajnuna.
Fin-nuqqas tagħhom sar l-intervent tal-Open Arms, li rrapurtat li l-grupp – li kien f’dgħajsa tal-injam mingħajr lifejackets – ittella’ fil-vapur Open Arms u qed jirċievi assistenza mit-tim mediku tagħha.
L-Open Arms issa qed tistenna li tiddaħħal f’port sigur Ewropew.