L-omm li qalet li l-pulizija sawtu lil binha tagħmel apoloġija

Facebook

Omm li allegat li l-pulizija sawtu lil binha għax kien bla maskra issa għamlet apoloġija u qalet li xerrdet verżjoni li kienet differenti minn dak li verament seħħ.

Kmieni din il-ġimgħa, l-omm xerrdet ritratt ta’ dahar binha fuq Facebook, li fih binha kien jidher li qala’ xi swat. Hi allegat li l-Ħadd filgħaxija, f’Paceville, binha nqabad mingħajr maskra mill-pulizija u dawn tawh xebgħa ġol-vann tagħhom. Qalet li ndarab ukoll f’rasu bis-swat li qala’.

Fuq Facebook appellat biex tingħata għajnuna, u ġie rrappurtat li l-pulizija kienu qed jinvestigaw il-każ.

Madankollu, l-omm dalgħodu rrikorriet għall-midja soċjali mill-ġdid biex tagħmel apoloġija lill-pulizija u tgħid li l-verżjoni li xerrdet hi kienet differenti, skont ma rriżulta mill-investigazzjoni.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta (MPA) irreaġixxiet għal dan u qalet li tapprezza l-apoloġija tal-omm. Ġibdet l-attenzjoni li f’każijiet bħal dawn, fejn jixxandru allegazzjonijiet hekk, dawn iwaqqgħu l-morall tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Naprezzaw apologija maghmula f'dan il-Kaz. Kazijiet bhal dawn, fejn jigu mxandra minn media minghajr verifiki…

Posted by Malta Police Association on Thursday, December 3, 2020