L-Omeprazole fl-ispiżeriji kollha minn għada – il-Ministru tas-Saħħa

Il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia llum qal li minn għada t-Tlieta, il-mediċina Omeprazole se tkun fl-ispiżeriji kollha.

Din l-istqarrija tal-Ministru tikkontradixxi tweġibiet mill-Ministeru stess. 

Fit-30 ta’ Awwissu li għadda, għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru tas-Saħħa stess qal li l-mediċina Omeprazole li tittieħed għall-ħruq kroniku fl-istonku hija disponibbli.

Għaxart ijiem ilu, Newsbook.com.mt ikkuntattja lil diversi spiżeriji f’Malta u Għawdex, li spjegaw kif l-ammonti li daħlulhom dakinhar stess kienu ‘redikoli’ u li minħabba li l-ammont li kienu qed jirċievu kien żgħir ħafna, kien qed ikollhom iqassmu ammonti żgħar lill-klijenti tagħhom skont l-urġenza u l-gravità tal-każ.

Spiżjar minnhom wera t-tħassib tiegħu li minn iktar minn 2,000 pillola tal-Omeprazole li kien jirċievi fl-ispiżerija tiegħu, issa qed jirċievi biss ftit iktar minn 100.

Qarrejja ta’ Newsbook.com.mt qalet ukoll li l-ispiżerija minn fejn tiġbor il-mediċina timxi fuq bażi ta’ first come first served  u mhux l-ewwel darba qalulha li spiċċat u kienet tibqa’ b’xejn.

Madanakollu skont l-istqarrija tal-Ministru Farrugia, il-problema tal-Omeprazole se terġa' lura għan-normal.

 

Ritratt: Din hi invoice li ngħatat lil spiżerija partikolari ġimagħtejn ilu.